it-Tlieta, 07 Frar 2012

l-Isqof Grech ifaħħar bħala atti erojċi l-adozzjoni u l-fostering

Mixja lejn is-Santwarju Ta'Pinu

Minkejja t-temp xejn favorevoli, Dar Ġużeppa Debono ċċelebrat Jum il-Ħajja kif ippjanat, b’mixja simbolika lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar 2012, li tulha nqraw riflessjonijiet sbieħ fuq il-ħajja ppubblikati mid-Dar fi ktejjeb ċkejken li tqassam lill-pubbliku.  Id-disa’ waqfiet ġew animati kull darba b’koreografija qasira mtellgħa mill-istudenti tas-Central Academy of Dance fi ħdan l-Iskola tad-Drama ta’ Għawdex.

F’Konċelebrazzjoni Solenni fis-santwarju li bdiet fil-5.00pm, l-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech sejjaħ “atti erojċi” l-adozzjoni u l-fostering.  Il-ħarsien tal-ħajja “jitlob impenn biex ikollna familja b’saħħitha u magħquda”, sostna l-Isqof, waqt li faħħar il-ġest ġeneruż ta’ bosta familji Għawdxin li jidħlu għall-adozzjoni u fostering ta’ trabi.  Dar Ġużeppa Debono hi fost l-istituzzjonijiet ewlenin fil-gżejjer tagħna li mhux biss jippromovu imma wkoll jagħtu servizz ta’ sapport fejn jidħlu dawn ir-realtajiet tant importanti.  

L-Isqof kompla jgħid li “huwa ta’ ġieħ għalina l-Għawdxin li fi gżiritna hawn l-akbar numru ta’ każijiet ta’ fostering…  Kemm l-adozzjoni u kemm il-fostering huma espressjoni erojka tal-karità Nisranija u mod kif il-familja Nisranija tħabbar il-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu”, temm jgħid l-Isqof Grech.  F’messaġġ separat li tqassam lill-Knisja f’Għawdex, Mons. Grech sejjaħ liż-żgħażagħ “ambaxxaturi tal-ħajja”.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja, li kienet imxandra kollha fuq Radju Marija u rat il-bażilika ppakkjata b’nies minn kull naħa tal-gżira, attendew ukoll xi membri parlamentari Għawdxin, fosthom il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, li tat il-messaġġ tagħha, Dr Anton Refalo u Dr Justyne Caruana.

Intant, nhar is-Sibt li ġej, 11 ta’ Frar, ikomplu l-attivitajiet marbuta mat-tema magħżula għal din is-sena, Żgħażagħ miftuħa għall-ħajja.  Dak in-nhar, fis-2.00pm, f’Dar Ġużeppa Debono, f’Għajnsielem, sa ssir attività għaż-żgħażagħ li fiha sa jagħmlu l-interventi tagħhom Dun Richard N. Farrugia, li qed jistudja l-Bijoetika f’Ruma, u l-ginekologa Dr Margaret Spiteri.