it-Tlieta, 15 Mejju 2012

Studenti Għawdxin u Maltin jiċċelebraw il-Ħajja

It-Tlieta 15 ta’ Mejju 2012 saret ċelebrazzjoni bħala għeluq tal-proġett “Il-Valur tal-Ħajja”, imniedi minn Dar Ġużeppa Debono, li fih ipparteċipaw l-istudenti kollha tat-tielet klassi tal-iskejjel sekondarji ta’ Għawdex flimkien mal-istudenti tar-raba’ klassi tal-Iskola St Monica ta’ Birkirkara. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’mixja mill-bidu tat-triq li twassal lejn is-Santwarju Ta’ Pinu, f’Għawdex, li ġiet imsemmija “Il-Mixja tal-Ħajja”. Matul il-mixja saru disa’ waqfiet li jimmarkaw id-disa’ xhur li t-tarbija tgħaddi fl-ewwel dar tagħha: il-ġuf ta’ ommha.

Mal-wasla tagħhom fis-santwarju, l-istudenti ġew mogħtija merħba mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar, li bena l-ħsieb tiegħu fuq is-sejħa li l-Verġni Mbierka għamlet lil Karmni Grima, “Ejja”, għaliex f’din il-preżenza l-istudenti taw xhieda li wieġbu għal din is-sejħa. Kompla jgħidilhom ukoll li biex huma waslu fis-santwarju, għamlu mixja li trid tfakkarhom fil-mixja vera tal-ħajja. Minn din il-mixja simbolika jeħtieġ li jitgħallmu li biex il-ħajja tkun sabiħa jeħtieġ li wieħed jintebaħ li hemm persuni oħra; l-ebda bniedem ma jista’ jgħix għalih waħdu fl-egoiżmu tiegħu, anzi jeħtieġ li nitgħallmu nisimgħu u anki nagħtu daqqa t’id lil xulxin, ngħinu u niddefendu lil min huwa inqas f’saħħtu minna, biex b’hekk wieħed ikun jista’ jgħix ħajtu fil-milja tagħha.

Il-programm kien wieħed imżewwaq b’kant, talb u messaġġ mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex. L-Isqof tkellem dwar movimenti u għaqdiet li jaqbżu għad-drittijiet ta’ dawk li huma f’sitwazzjoni ta’ abbuż jew żvantaġġjata. Qal l-Isqof: “Jagħmlu sew dawn in-nies u aħna napprovawhom; iżda tidher kontradittorja li qed ngħixu f’soċjetà fejn meta persuni jew gruppi jsemmgħu leħinhom f’isem it-tarbija fil-ġuf biex din tiġi mħarsa, jiġu akkużati li huma ‘xewwiexa’. Għalfejn tarbija li għadha fil-ġuf u li ma tistax tiddefendi ruħha ma għandhiex ikollha d-dritt li tgħix? Qed ngħixu fi żmien fejn niftaħru li għandna l-libertà tal-espressjoni, u hekk għandu jkun; imma mbagħad meta l-Knisja titkellem biex twassal il-kelma u t-tagħlim ta’ Kristu, tiġi mgħajra u jsir minn kollox biex ma twassalx it-tagħlim tagħha.

Għeżież studenti”, kompla jgħid l-Isqof, “nieħu gost narakom hawn miġbura u nħeġġiġkom biex, għalkemm qed ngħixu f’soċjetà li qed tiżra’ l-kultura tal-mewt, intom tkomplu tikbru f’persuni li jiżirgħu l-kultura favur il-ħajja. Komplu kunu messaġġiera tal-ħajja! Komplu ddefendu lit-tarbija sa mit-tnissil tagħha”. L-Isqof temm id-diskors tiegħu billi faħħar ħafna din l-inizjattiva.

L-istudenti ħadu sehem attiv f’dan il-programm u kull wieħed u waħda minnhom ġew mogħtija mill-Isqof ċertifikat ta’ parteċipazzjoni f’dan il-proġett. Wara, iċ-ċelebrazzjoni tkompliet fil-pjazza tas-santwarju fejn l-istudenti kellhom ħin ta’ rikreazzjoni u soċjalizzazzjoni.