Il-moda tiltaqa’ mal-letteratura

L-isfilata tal-moda organizzata minn VickyAnn Xuereb, li ttellgħat bil-għan li tgħin lil Dar Ġużeppa Debono, kienet suċċess kbir. L-attività kellha l-għan li tippromovi aktar il-persuna tal-mara.

Fi kliem l-organizzaturi, ma setax jinstab ambjent aħjar minn dak taċ-Ċentru tal-Arti fiċ-Ċittadella għall-25 mudella li sebbħu l-isfilata bl-ilbiesi u l-ġmiel tagħhom.

Amanda Ciappara ppreżentat is-serata, waqt li Helen Camilleri rreċtat poeżiji kumplimentari mat-tema, fosthom il-poeżija ta’ Maya Angelou, “Still I rise”.

Il-kantanta Sarah Bonnici u l-mużiċista Danny Magro ferrħu lill-udjenza bil-mużika live tagħhom. Wara s-serata, tqassmu tazza nbid u xi ħlewwiet, grazzi għal Vini e Capricci.

Ittellgħat ukoll esebizzjoni f’waħda mis-swali taċ-ċentru, b’rikostruzzjoni ta’ ħanut tal-ħajjata b’għamara antika, magni tal-ħjata u oġġetti oħra, fost xogħlijiet u disinni oħra ta’ VickyAnn.