Quddiesa bit-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf

Omelija fit-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf
Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta' Pinu, l-Għarb
Il-Ħadd 4 ta' Frar 2018
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta' Għawdex

 

IĊ-ĊIVILTÀ TAGĦNA HIJA FAVUR IL-ĦAJJA

 

Il-mard huwa theddida tal-ħajja, għax meta l-mard jaħkimna, ħajjitna tkun f'riskju. Għalhekk, meta, kif qrajna fil-Vanġelu tal-lum, Ġesù jfejjaq lil omm il-mara ta' Pietru (ara Mk 1:29-39), huwa juri kemm jgħożż il-ħajja tal-bniedem u jagħmel minn kollox biex iħarisha u jirriabilitaha.

Min huwa dixxiplu ta' Kristu, ma jistax ma jkollux l-istess sentimenti ta' Ġesù fir-rigwrad tal-ħajja umana. Bħal Kristu, aħna għandna ngħożżu l-ħajja u nagħmlu ħilitna biex nikkurawha u niddefenduha f'kull fażi tagħha – mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha. Alla huwa s-Sid tal-ħajja u l-bniedem huwa għassies għaqli li mhux biss ifittex li jindokraha minn kull għamla ta' deni jew abbuż, imma wkoll li joħloq dak il-kuntest familjari u soċjali fejn il-ħajja tista' tiftaħ bħal warda li ssebbaħ il-madwar.

Meta Ġesù resaq u qabad id il-mara marida, meta fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta' mard u lil dawk li kienu maħkuma mix-xitan, hu ried jurina li kull ħajja għandha valur. Kull ħajja, ukoll dik li mhix perfetta, hija prezzjuża; ebda ħajja ma hija skart. Għall-kuntrarju, meta l-ħajja hija dgħajfa, għajjiena u nieqsa mill-awtonomija, din jixirqilha aktar attenzjoni u mħabba. Min iħobb il-ħajja, ma jaċċettax li jkun selettiv, fis-sens li jagħżel bejn min hu b'saħħtu u min hu marid, min hu sħiħ u min hu bin-nieqes, min hu mixtieq u min mhux...

Ninnotaw li meta Ġesù daħal fid-dar tal-kunjata ta' Pietru, kien hemm dawk li "qalulu biha", fis-sens li qalulu li kienet mixħuta fis-sodda; meta l-belt semgħet bih li kien ħarries tal-ħajja, "ħadulu quddiemu" lill-morda. Fi kliem ieħor, il-familja u s-soċjetà kellhom dan l-ethos sabiħ: qabżu għal min kellu ħajtu mhedda, taw vuċi lil dawk li ma kellhomx, qamu fuq saqajhom biex jiddefendu l-ħajja. Kienet soċjetà li ma nsietx lid-dgħajfin, ma eleminatx lill-morda u l-anzjani, ma lmentatx għax il-magħkus kien piż. Minflok, intervenew biex il-jedd għall-ħajja jkun imħares u megħjun.

Ma nistax ma napprezzax il-fatt li l-familja u s-soċjetà tagħna għandhom għal qalbhom dan l-istess ethos. Taqta' barra xi ftit eċċezzjonijiet, il-kotra ta' ġensna għadha tgħożż il-valur tal-ħajja. Tagħna għadha ċiviltà li temmen li l-ħajja umana hija sagra, u għalhekk ma nistgħux nilagħbu mal-ħajja. Inħeġġeġ biex inkunu għajjurin għal din il-kultura favur il-ħajja u ngħassu madwarna biex ma niddakkrux minn tendenzi jew prattiċi li ma jirrispettawx id-dinjità tal-bniedem.

Insellem lill-ġenituri li qed jistennew li jkollhom dalwaqt wild ġdid, li llum ġew fis-Santwarju Ta' Pinu biex nitolbu l-barka ta' Alla fuqhom. Intom it-tama tagħna, mhux biss għax uliedkom huma l-futur tagħna, imma wkoll għax meta intom qed tilqgħu ħajja ġdida, qed tibagħtulna messaġġ dwar il-ġmiel u l-kobor tal-ħajja. Huwa minnu li meta tnisslu l-ħajja, intom għandkom quddiemkom triq għat-telgħa; imma taqtgħux qalbkom u tħallux il-biża' jisirqilkom il-ferħ li ġġib magħha ħajja ġdida. Alla jieqaf magħkom u jpattilkom tal-ġenerożità tagħkom.