Highlights (Top ALL)

Fis sitta u għoxrin sena ta eżistenza tagħha, Dar Guzeppa Debono għenet ħafna ommijiet waħedhom, missirijiet u il familji rispettivi tagħhom. Dar Guzeppa Debono organizzat ukoll b'mod attiv seminars biex teduka żgħażagħ kif ukoll adulti dwar l-importanza li dawn jirispettaw infushom u l-ħajja tat-tfal li għadhom mhux imwielda.
Dar Guzeppa Debono tinstab fir-raħal ta Għajnsielem f'Għawdex u hi viżibbli mil-port ta l'Imgar malli tinżel mil vapur.
Dar Guzeppa Debono twaqqfet fl-1985 mill-Eċċellenza tiegħu Nikola G. Cauchi Isqof ta 'Għawdex biex ikun grupp ta voluntiera li jgħinu l'ommijiet waħedhom u fl-istess ħin jwettqu attivitajiet ta kull tip favur il-ħajja

Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 4)

Wara l-approvazzjoni tal-Embryo Protection Bill

Nhar it-Tnejn 26 ta' Novembru 2012, il-Parlament Malti approva l-Embryo Protection Bill. L-Ittra Pastorali maħruġa mill-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex erba' xhur qabel (26 ta' LIl-Parlament Maltiulju), illi tiġbor fiha t-tagħlim tal-Knisja fuq il-valur u d-dinjità tal-ħajja umana sa mit-tnissil tagħha, hija l-punt ta' riferiment għal min irid ikun jaf x'inhi l-posizzjoni tal-Knisja Kattolika u x'inhuma l-valuri li fuqhom tissawwar il-kuxjenza tal-insara fuq dan l-argument.

Għaldaqstant, biex inkomplu ngħinu r-riflessjoni ta' min huwa interessat, ser inkomplu nippubblikaw partijiet oħra ta' kumment twil li jipprova jfisser aħjar l-istqarrijiet li jagħmlu l-Isqfijiet fl-Ittra Pastorali Niċċelebraw il-Ħajja umana.

L-embrijun huwa persuna

Biss fuq kollox l-IVF hija proċedura li toffendi lill-bniedem għaliex huwa persuna li għandu dinjità. Il-kelma “bniedem” u “persuna” fil-lingwaġġ bioetiku mhumiex l-istess ħaġa għaliex hemm min isostni li għalkemm sa mit-tnissil jeżisti l-bniedem, il-bniedem isir persuna fi stat aktar avanzat tal-iżvilupp tiegħu. Hemm min jgħid li jsir persuna meta jimpjanta fl-uteru (wara l-ewwel 14-il ġurnata), hemm min jgħid mal-għoxrin ġimgħa meta jibda jifforma l-moħħ, hemm min jgħid meta jitwieldu, u hemm min saħansitra jsostni li l-bniedem isir persuna meta jkun konsapevoli tiegħu innifsu u jkun kapaċi jirraġuna. Infatti żewġ studjużi Taljani f’Marzu li għadda ippubblikaw artiklu fejn iqisu li t-tarbija li titwieled issir persuna meta tibda tagħti xi tip ta’ valur lill-esistenza tagħha, jiġifieri, able of attributing to her own existence some (at least) basic value such that being deprived of this existence represents a loss to her (Alberto Giubilini – Francesca Minerva, «After-birth abortion. Why should a baby live», in Medical Journal of Ethics, J Med Ethics doi:10.1136/medethics-2011-100411). Hemm ukoll min isostni, bħal bioetiċista famuż Engelhardt, li mhux kull bniedem huwa persuna, tant illi l-embrijun, il-fetu, it-trabi li għadhom kemm twieldu (infant), il-mentally retarded gravi u dawk li waqgħu f’coma mingħajr tama li jerġgħu jqumu minnha mhumiex persuni imma biss membri tal-ispeċi umana.

Id-diskors fuq il-“persuna” huwa importanti minħabba l-fatt li r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma mibnija fuq id-dinjità tal-persuna umana. Jekk l-embrijun ma jiġix rikonoxxut bħala persuna, imma sempliċiment bħala “massa ta’ ċelluli” jew bħala res nullius (bħallikieku mhuwa ħadd) jew sempliċi materjal bijoloġiku jew oġġett, kull sperimentazzjoni u manipolazzjoni tiegħi ssir leġittima. Fl-istess ħin il-kategorija ta’ “persuna” hija waħda li tiftaħ kontroversji sħaħ minħabba d-diversi posizzjonijiet li semmejna. Imma fl-istess ħin, għalkemm ix-xjenza ma tistax tgħidilna li l-embrijun huwa “persuna” (għax “persuna” huwa terminu, jew aħjar kategorija, li tappartjeni għall-ontoloġija: l-istudju filosofiku tal-essenza u tar-realtà), madanakollu tagħtina indikazzjonijiet li juruna li m’hemm xejn li ma jurix li meta għandna l-bniedem għandna l-persuna.

Fuq kollox, bħalma għidna, it-terminu “persuna” huwa terminu tal-ontoloġija: li tkun persuna tagħmel parti mill-essenza tal-bniedem innifsu. Li tkun persuna ma jiddependix minn xi attributi jew mit-tħaddim ta’ xi fakultajiet bħalma ngħidu aħna huma l-fatt li tkun taf titkellem jew tirraġuna. Dawn ma jiddeterminawx il-bniedem huwiex persuna jew le. Għax li tkun persuna mhijiex xi ħaġa li tingħatalek f’xi żmien wara t-twelid u li tista’ titlifha qabel il-mewt. Il-bniedem huwa persuna minħabba l-essenza tiegħu. B’persuna nifhmu, bħalma jgħid Boeżju, rationalis naturae individua substantia. Il-bniedem huwa sustanza individwali ta’ natura razzjonali fl-essenza tiegħu anki jekk ma jħaddimx l-użu tar-razzjonalità. B’sustanza hawn m’aħniex qed nifhmu xi ħaġa li tinsab fis-suġġett. Mhux bħal meta ngħidu s-sustanza fil-fliexken. Imma b’sustanza nifhmu dak li jikkostitwixxi r-realtà. Il-bniedem huma minnu innifsu persuna għax hu individwu li għandu n-natura umana, li hija n-natura razzjonali indipendentement mill-presenza jew assenza tal-eżerċizzju tar-razzjonalità. Li l-embrijun jappartejni għal din in-natura huwa muri mill-presenza tal-patrimonju ġenetiku li huwa speċifikament uman. Fi kliem ieħor, il-bniedem ma jistax jitwieled qabel il-persuna, jew il-persuna tmut qabel il-bniedem. Lanqas ma ssir persuna għax ħaddieħor jiddeċiedi intix persuna jew le. Il-bniedem minnu nnifsu hu persuna.

Il-Maġisteru tal-Knisja jikkondividi din il-viżjoni tal-bniedem bħala persuna b’dinjità inerenti. Kif tistqarr id-Dignitas personae: “Lil kull esseri uman, mit-tnissil sal-mewt naturali, għandna tiġi rikonoxxuta d-dinjità tiegħu ta’ persuna. Dan il-prinċipju fundamentali, li jesprimi l-“iva” kbira għall-ħajja umana, għandu jitqiegħed fiċ-ċentru tar-riflessjoni etika fuq ir-riċerka biomedika, li qed tikseb importanza dejjem akbar fid-dinja ta’ illum” (n. 1). Meta ngħidu li d-dinjità tal-bniedem hija inerenti, ifisser li din ma tiżdiedx jew tonqos skont kemm wieħed iħaddem il-fakultajiet tiegħu jew skont għemilu. Id-dinjità tal-bniedem ma tiddependix mill-kwalità tal-ħajja umana li qed jgħix. Imma hija “mnaqqxa fih”, fin-natura tiegħu u għalhekk sa mit-tnissil il-bniedem huwa persuna mogħnija b’dinjità li titlob li tiġi rikonoxxuta minn kulħadd u minn kull soċjetà.

F’dan id-dawl għalhekk il-proċedura tal-IVF hija offiża għad-dinjità tal-persuna umana għax tpoġġi f’riskju inutli lill-bniedem li jitnissel. L-ebda intervent ta’ natura medika fuq l-embrijun, fetu, tifel jew minorenni mhu permess jekk ma jkunx fl-interess tas-saħħa tal-istess embrijun, fetu, tifel jew minorenni. Għaldaqstant, l-IVF li tpoġġi f’riskju lill-embrijun għax tnisslu in vitro qatt mhija fl-aħjar interess tal-embrijun. L-IVF hija biss fl-interess ta’ dawk li jixtiequ jsiru ġenituri. L-interess ta’ min hu b’saħħtu m’għandu qatt jifga l-interess tad-dgħajjef. L-IVF tidħol fil-loġika mhux tant tal-forza tar-raġuni imma tar-raġuni tal-forza fejn isseħħ ir-rieda ta’ min hu l-aktar b’saħħtu. Hekk biex jissodisfaw xewqa tagħhom, bnedmin adulti joffendu d-dinjità tal-persuna dgħajfa u bla vuċi (l-embrijun) u jpoġġu ħajtu f’riskju li mhux għall-aħjar interess tiegħu. F’dawn id-dawl jidher kemm huwa minnu dak li jgħidulna l-Isqfijiet tagħna: “Ukoll jekk uħud minn dawk l-embrijuni ma jinqatlux deliberatament, imma jmutu mewta ‘naturali’ ftit wara li jitnisslu, jibqa’ il-fatt li diversi embrijuni qegħdin jiġu issagrifikati u strumentalizzati biex titwieled tarbija”. Dan kollu “jikkonferma, li dan il-proċess fih innifsu jmur kontra d-dinjità tal-bniedem. Kollox juri li l-metodi tal-fertilizzazzjoni in vitro, li għall-ewwel jidhru li huma għas-servizz tal-ħajja, attwalment u fil-fatt joħolqu theddida għall-ħajja umana” (par. 12).

 

It-tbatija tal-koppji miżżewġa li ma jistax ikollhom tfal

Huwa fatt li mhuwiex żgħir l-uġigħ ta’ dawk il-koppji miżżewġa li ma jistax ikollhom tfal u fl-Ittra Pastorali l-Isqfijiet jistqarru li jħossu ħafna għalihom (par. 4). Minn din il-weġgħa, li ssib eku anki fil-Bibbja fil-karba ta’ Rakel: “Agħtini t-tfal għax se mmut” (Ġen 30,1), joħroġ l-impenn tal-Knisja biex tħeġġeġ lill-bnedmin tax-xjenza “biex ikomplu jistudjaw u jfittxu soluzzjonijiet li huma etikament u moralment tajba ħalli dawn il-miżżewġin ikunu jistgħu jissodisfaw ix-xewqa leġittima tagħhom li jsiru ġenituri” (par. 4). Imma fl-istess ħin ix-xewqa għat-tfal qatt ma tista tissarraf f’xi dritt għat-tfal. It-tfal huma dejjem don, appuntu għax il-ħajja umana hija don li jitlob li jiġi milqugħ. Qatt mhuma proprjetà għax il-ħajja umana mhijiex prodott li jista’ jiġi akkwistat. Filwaqt li x-xewqa għall-ulied hija xewqa tajba u nobbli, mhijiex dritt li jiġġustifika mezzi jew proċeduri li biex jissodisfaw din ix-xewqa jimmanipolaw il-ħajja ta’ bniedem ieħor, f’dan il-każ il-ħajja tal-embrijun. Jekk naqgħu fil-mentalità li tassolutizza x-xewqa tal-bniedem fejn dak li jixtieq hu għandu jfittex li jagħmlu, allura x-xewqa ta’ bniedem tkun ta’ detriment mhux tant għax-xewqa imma għad-drittijiet fundamentali tal-embrijun uman. Nifhmu għalhekk li fi proċedura bħal IVF jiġri li x-xewqa ta’ persuni adulti toffendi d-dinjità tal-persuna dgħajfa (l-embrijun). Mhux biżżejjed li wieħed jixtieq xi ħaġa biex dik il-ħaġa tkun tajba! Tidher affermazzjoni ovvja imma bħal tintesa meta nidħlu f’dan il-qasam. Jekk ix-xewqat tal-bniedem jiġu assolutizzati allura bħalma jiġi ġġustifikat li wieħed ikollu t-tfal akkost ta’ kollox, ħaddieħor jiġi iġġustifikat fix-xewqa li ma jkollu l-ebda tifel akkost ta’ xejn: f’dan l-aħħar każ jiġi ġġustifikat l-abort. Għalkemm l-IVF mhijiex awtomatikament l-abort, il-mentalità li tiġġustifika l-proċedura tal-IVF hija mentalità li toqrob, għalkemm mhix ekwivalenti, lejn dik tal-abort minħabba li tibqa’ truxa jew għamja għall-vuċi tad-dinjità  u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jitnissel.

 

L-iffriżar tal-embrijuni (par. 13)

L-Ittra Pastorali tikkundanna b’mod ċar u qawwi kull proċedura tal-IVF li tinvolvi l-iffrizar tal-embrijuni (par. 13) hija u tikkowata t-tagħlim tal-Maġisteru li jinsab fid-dokument Donum Vitae. L-iffrizar tal-embrijun – li b’xorti tajba l-Embryo Protection Bill ma tippermettix (art. 7, għalkemm tammetti l-eċċezzjoni ta’ meta l-embrijun ma jkunx jista’ jiġi trasferit immedjatament fil-ġuf tal-omm) – huwa offiża gravi għad-dinjità tal-bniedem għax hawnhekk għandna każ ċar fejn l-embrijun jiġi ikkunsidrat bħala “ħaġa nulla”. L-iffriżar tal-embrijun joffendi wkoll ix-xibka tar-relazzjonijiet u l-istess fundamenti tal-konvivenza ċivili. Dan għaliex l-iffriżar tal-embrijun juri li l-bnedmin adulti jiċħdu lill-persuna l-oħra (l-embrijun) billi jużawha għall-interessi tagħhom bħallikieku din ma teżistix. Kif jikkumenta l-filosofu Taljan Vittorio Possenti fil-ktieb tiegħu Il Principio-Persona  (Armando Editore, Ruma 2006), l-iffriżar tal-embrijuni qed joħloq skjav ġdid u modern, skjav a skapitu tax-xewqat u tar-rieda ta’ forza tagħna l-adulti. F’din il-proċedura jiġi ekluż il-prinċipju li fuqu hi mibnija kull għamla ta’ konvivenza ċivili: neminem laedere (tweġġa’ lil ħadd). Dan il-prinċipju għandu jiġi garantit dejjem u m’għandu qatt jiddependi mill-kunsens tal-maġġoranza: inkella nispiċċaw f’tirannija tal-maġġoranza li toqtol lil min tiddeċiedi hi. Soċjetà ċivili tinbeda fuq il-garanzija inkundizzjonata ta’ dan il-prinċipju li japplika għal kull bniedem. Possenti jgħid illi “biopolitika li hija denja ta’ dan l-isem, imsejħa biex qatt ma tiskuża mir-rispett rigoruż tal-kriterju tan-neminem laedere, ma tistax ħlief tiggarantixxi lill-embrijun ħarsien adegwat bħala esseri uman li jappartjeni għall-ispeċi umana” (pġ. 142).

Mhux ta’ b’xejn l-Isqfijiet mingħajr tidwir ta’ kliem jitkellmu mill-friżi bħala “orfanatrofji ġodda” (par. 14). L-iffriżar tal-embrijuni huwa att li fih bnedmin adulti u s-soċjetà li tirrendi l-għemil tagħhom legali, tirrifjuta li tirrikonoxxi d-dritt tal-ħajja ta’ bnedmin dgħajfa (l-embrijuni). Fil-fatt il-ġenituri bijoloġiċi kif ukoll is-soċjetà tkun qed tiċħadhom bħallikieku ma jeżistux. Interessanti li l-kelma orfni ġejja mill-Grieg orphanos li litteralment tfisser “imċaħħad” jew mit-terminu orbho- mil-lsien anċestrali Proto-Indo European li tista’ tfisser “imċaħħad mill-istat liberu”. Forsi embrijun uman iffriżat mhuwiex bniedem “imċaħħad” mir-rikonoxximent tal-ħajja tiegħu u “imċaħħad mill-istat liberu” tiegħu hekk li huwa ikkunsidrat bħallikieku “skjav modern”? L-Ittra Pastorali ma tistax tkun aktar leali għall-fatti f’li ssejjaħ il-friżi “orfanatrofji ġodda” – tassew huma l-lok fejn il-bniedem l-aktar dgħajjef jiġi miċħud u ripudjat.


* Din is-sensiela ta' artikli ġiet stampata fuq diversi ħarġiet tal-ġurnal Leħen is-Sewwa matul Awwissu-Settembru 2012. L-ewwel u t-tieni parti jinsabu fuq dan is-sit: Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 1); Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 2); Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 3).