Highlights (Top ALL)

Fis sitta u għoxrin sena ta eżistenza tagħha, Dar Guzeppa Debono għenet ħafna ommijiet waħedhom, missirijiet u il familji rispettivi tagħhom. Dar Guzeppa Debono organizzat ukoll b'mod attiv seminars biex teduka żgħażagħ kif ukoll adulti dwar l-importanza li dawn jirispettaw infushom u l-ħajja tat-tfal li għadhom mhux imwielda.
Dar Guzeppa Debono tinstab fir-raħal ta Għajnsielem f'Għawdex u hi viżibbli mil-port ta l'Imgar malli tinżel mil vapur.
Dar Guzeppa Debono twaqqfet fl-1985 mill-Eċċellenza tiegħu Nikola G. Cauchi Isqof ta 'Għawdex biex ikun grupp ta voluntiera li jgħinu l'ommijiet waħedhom u fl-istess ħin jwettqu attivitajiet ta kull tip favur il-ħajja

Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 5)

It-tliet valuri fundamentali

Fil-paragrafu 10 tal-Ittra Pastorali, ir-rgħajja spiritwali tagħna jagħtuna tliet valuri fundamentali li għandhom jiġu irrispettati: il-valur tal-ħajja u l-intergrità fiżika ta’ kull bniedem; il-valur tal-unità taż-żwieġ, il-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ.

 

1. Il-valur u l-integrità tal-ħajja fiżika ta’ kull bniedem

Fuq l-ewwel valur joħroġ ċar kemm il-Knisja tiċċelebra l-ħajja ta’ kull bniedem, speċjalment tal-bniedem l-aktar dgħajjef: l-embrijun. F’sintonija mal-evidenza xjentifika li diġa’ semmejna, l-Ittra tisħaq li “mill-ewwel mument tat-tnissil sal-mewt naturali” għandna quddiemna persuna umana li ma tistax tiġi iddiskriminata “minħabba l-istadji differenti tal-ħajja”. Dan għaliex, bħalma rajna, mill-ewwel mument tat-tnissil tibda l-ħajja ta’ entità ġdida, “il-ħajja ta’ essri uman ġdid li ser jikber”. L-Isqfijiet jikkwutaw id-dokument Donum Vitae li jikkwota l-frażi tal-apoloġeta nisrani Quintus Septimius Florens Tertullianus (c.155-230): homo est qui est futurus: “Ma kienx ser ikun uman kieku ma kienx uman dejjem”. Dan il-prinċipju antik hu dejjem attwali minħabba li l-istudji fl-embrijoloġija bl-ebda mod ma jikkuntrastawh anzi urew kemm tabilħaqq mill-bidu nett, mit-tnissil, għandna quddiemna l-bniedem uman.

Dan il-prinċipju donnu reġa’ sab spazju fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja meħuda f’Ottubru 2011 li għaliha jirreferu l-isqfijiet tagħna. Din is-sentenza bejn Oliver Brustle vs Greenpeace kienet tittratta it-talba ta’ Brustle biex ikunu patented invenzjonijiet li jkunu jinvolvu fir-riċerka li tkun saret il-qerda tal-embrijuni umani jew l-użu tagħhom bħala sempliċi materjal bijoloġiku. Infatti din is-sentenza twarrab għal kollox it-terminu vojt u żbaljat ta’ “pre-embrijun” u tagħti din id-definizzjoni ta’ embrijun uman: “any human ovum after fertilisation, any non-fertilised human ovum into which the cell nucleus from a mature human cell has been transplanted and any non-fertilised human ovum whose division and further development have been stimulated by parthenogenesis constitute a ‘human embryo’ ” (n.38). Is-sentenza tuża’ definizzjoni wiesgħa tat-terminu “embrijun” biex tassigura li jiġi mħares ir-rispett dovut lid-dinjità umana (n. 34). Il-Qorti għalhekk affermat dak li kienet diġa’ tgħid id-Directive on the legal protection of biotechnological inventions tal-Parlament u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja (6 ta’ Lulju 1998, art. 6, n. 2) illi tipprojbixxi l-patentability għall-invenżjonijiet li biex waslu għalihom ġew meqruda jew użati embrijuni umani: “Article 6(2)(c) of the Directive excludes an invention from patentability where the technical teaching which is the subject-matter of the patent application requires the prior destruction of human embryos or their use as base material, whatever the stage at which that takes place and even if the description of the technical teaching claimed does not refer to the use of human embryos” (n. 52).Għalkemm din is-Sentenza ma tgħidx li l-embrijun uman huwa persuna, madanakollu tindika li l-embrijun uman mhuwiex sempliċi materjal bijoloġiku u tafferma, b’fedeltà għal dak li tgħid ix-xjenza, li l-ħajja umana tibda mill-ewwel mument tat-tnissil.

Il-valur tal-integrità fiżika jitlob li tiġi mwarrba kull mentalità ewġenetika li tiddiskrimina l-embrijuni billi tagħżel dawk b’saħħithom u tħalli jmutu dawk dgħajfa. Huwa minnu li l-Bill proposta teskludi kull tip ta’ pre-implantaion genetic diagnosis [PGD] (art. 16), jiġifieri li l-embrijun jiġi “screened”, analizzat biex jaraw għandux xi mard jew anomaliji ġenetiċi u jekk jinstab li għandu ma jkunx trasferit fl-uteru. Imma nkunu wisq banali jekk ngħidu li l-mentalità li tiġġustifika l-IVF mhijiex pass li jista’ iwassal anki għal mentalità ewġenetika. Huwa veru li dan l-argument hu mibni fuq ipoteżi. Imma ġaladarba issir l-ewwel offiża lill-embrijun uman li jiġi mnissel ġewwa apparat tal-laboratorju, isir aktar faċli li jibda jiġi ikkunsidrat bħala materjal bijoloġiku u għaldaqstant jiġi analizzat biex jiġi aċċertat li m’għandux difett. Kemm-il darba l-embrijun jibda jiġi meqjus bħala oġġett jew prodott ta’ klijenti adulti, allura hu aktar possibli li dan l-oġġett jew prodott jiġi screened biex ikun tal-aqwa kwalità.

Dan il-fatt iħasseb mhux biss lill-Knisja li tgħożż id-dinjità tal-ħajja umana, imma anki ħassieba bħalma huma l-filosofi Ġermaniżi Hannah Arendt (1906-1975) u Jürgen Habermas (1929- ). Arendt fil-ħsieb tagħha tkellmet ħafna fuq il-kunċett filosofiku ta’ natality. Fi ftit kliem, il-bniedem mhuwiex biss esseri li ser imut, imma huwa wkoll “imwieled minn mara”. Għalkemm hi rarament tkellmet fuq il-proċeduri ewġenetiċi, hi b’mod ċar tkellmet dwar il-kunċett ta’ ħajja fabbrikata, dik il-ħajja li hija ’l-barra mill-ordni naturali u li hija r-riżultat ta’ esperiment fil-laboratorju. Il-ħajja fabbrikata hija riżultat li jneħħi l-elementi tal-kawżalità u tal-imprevedibilità li huma karatteristiċi proprji tal-att li niġu fid-dinja. Li nkun “imwieled minn mara” ifisser li l-ħajja tiegħi hija “spontanja” u għalhekk il-bniedem ma jħossux prodott jew riżultat tat-teknika. It-tentattiv li l-ħajja umana tiġi mnissla fil-laboratorju tneħħi din l-ispontanjeta’ speċjalment jekk nitkellmu mill-proċedura ICSI u mill-PGD.

Arendt issejjaħ din il-ħajja “iffriżata” frozen. Fil-ktieb tagħha The Human Condition hi turi kif ġaladarba l-ħajja umana tiġi prodotta fil-laboratorju, din il-ħajja umana tispiċċa tiġi mkejla skont kriterji tekniko-xjentifiċi ta’ saħħa. Allura l-bniedem ma jibqax jiġi ikkunsidrat li għandu valur minnu nnifsu imma l-valur tiegħu jiġi attribwit lilu minn oħrajn. B’konsegwenza, il-valur tiegħu jikber jew jiżdied hekk li l-bniedem b’saħħtu jirbaħ fuq il-bniedem dgħajjef (bħalma jiġri ġeneralment fejn issir il-PGD, l-embrijun b’saħħtu jiġi trasferit u d-dgħajjef skartat). Il-bniedem ma jibqax sid tiegħu nnifsu, imma jitqies bħala skjav fl-idejn ta’ min hu aqwa minnu.

Habermas iwissi li l-ewġenetika tista’ twassal biex tbiddel il-mod kif aħna l-bnedmin nifhmu lilna nfusna bħala “mnissla”. Fl-istudju tiegħu The Future of Human Nature hu jiddefendi d-dritt tal-bniedem li jkun esseri spontanju u mhux prodott magħżul skont il-gosti ta’ ħaddieħor. Jekk il-bniedem jibqa’ spontanju, allura huwa liberu għaliex l-għajn primarja u awtentika tal-libertà tal-bniedem hija proprju l-ispontanjetà umana tat-tnissil. L-istrumentalizzazzjoni tal-embrijuni umani tista’ twassal biex dawk li jitnisslu wara screening ġenetiku jqisu lilhom infushom bħala prodott tax-xewqat tal-ġenituri tagħhom u mhux bħala bnedmin liberi li jistgħu jaġixxu u jiġġudikaw. Għalhekk l-embrijun għandu jiġi mħares mid-dominju tat-teknika u m’għandu qatt isir skjav jew prodott. Dan id-dominju jista’ ipoġġi f’periklu l-istess konvivenza soċjali għax ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin (u bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom) isiru relazzjonijiet ta’ bejn prodott u l-produtturi, u dan imur kontra l-prinċipju tal-ġustizzja u jmur kontra l-possibilità li wieħed ikun il-protagonist flimkien ma’ oħrajn fl-azzjonijiet tiegħu.

 

2. Il-valur tal-unità taż-Żwieġ

It-tieni valur li għandu jiġi rispettat huwa l-unità taż-Żwieġ. Dan hu l-ambjent fejn “ir-raġel u l-mara miżżewġa, permezz tal-għotja ta’ imħabba ta’ xulxin, jipperfezzjonaw lilhom infushom meta jikkoperaw mal-Ħallieq fit-tnissil u fit-trobbija tal-ulied”. L-“iva” illi r-raġel u l-mara jgħidu lil xulxin u jesprimu fl-imħabba ta’ bejniethom hija “iva” li tibqa’ awtentika kemm-il darba din tingħax fir-reċiproċità ta’ bejn il-miżżewġin u fl-apertura għall-ħajja. Fuq dan jitkellem ċar id-dokument Dignitas Personae, f’paragrafu 6. Hu fl-interess tat-tfal illi dawn jitwieldu fi ħdan familja stabbli u li jkollhom omm u missier.

Wieħed mill-kummenti kritiċi li saru fuq l-Embryo Protection Bill huwa l-fatt illi teskludi l-prokreazzjoni assistiti għall-koppji tal-istess sess. Filwaqt li sa issa m’hemm l-ebda liġi li tirregola l-koppji omosesswali, ir-raġuni ta’ din l-esklużjoni mhijiex waħda ta’ inġustizzja jew li tista’ titqies bħala diskriminatorja. Li tittratta realtajiet differenti b’mod differenti ma tistax titqies bħala diskriminazzjoni. Hija ħaġa kurjuża illi filwaqt li fi żmienna wieħed jitkellem ħafna fuq il-valur tad-“diversità” fl-istess ħin hemm kurrent qawwi biex “nikkonformizzaw” realtajiet ma’ realtajiet li huma għal kollox differenti. Ta’ dan it-tip hija dik l-opinjoni pubblika li tgħid illi koppja omosesswali għandha dritt għaż-żwieġ u għandha tissejjaħ familja, jew li għandha dritt tadotta t-tfal jew, fil-każ tagħna, ikollha aċċess għall-prokreazzjoni assistita. Barra minn hekk, dawn il-posizzjonijiet ma jikkunsidraw xejn affattu x’inhu fl-aħjar interess tal-bniedem li ser jitnissel: hux li jiġi mnissel fi ħdan koppja eterosesswali u stabbli jew koppja omosesswali.

L-ewwelnett, minnha nnifisha koppja omosesswali trid tirrikorri għall-isperma jew għall-bajda li mhijiex ta’ wieħed mill-partners li eventwalment ser irabbu lil dan il-bniedem li ser jitnissel. Minbarra dan, fil-każ ta’ koppji omosesswali irġiel, dan jimplika wkoll l-użu ta’ utru ta’ mara li mhix ser tkun l-“omm legali” ta’ din it-tarbija (u forsi lanqas ma hija l-omm naturali tagħha!). Nidħlu għalhekk fil-kwistjoni tad-donors u tas-surrogate motherhood. Dawn il-kwistjonijiet ma japplikawx biss għall-koppji omosesswali, imma anki għall-koppji eterosesswali li jkunu jixtiequ dawn il-proċeduri (li huma esklużi wkoll mill-Bill).

L-Ittra Pastorali tisħaq illi “meta koppja taċċetta li fil-proċess tal-fertilizzazjoni artifiċjali ikun hemm is-sehem ta’ persuna oħra, dan ikun qed ikisser l-unità taż-żwieġ, il-fedeltà tal-miżżewġin, kif ukoll id-dritt tal-koppja miżżewġa li jsiru ġenituri esklussivament bil-koperazzjoni ta’ xulxin”.  Fil-viżjoni tal-antropoloġija Kristjana, is-sinifikat profond tal-prokreazzjoni umana, il-bonum humanum tal-prokreazzjoni, jikkonsisti fl-għaqda bejn it-trasmissjoni tal-ħajja u l-imħabba konjugali li – bħalma diġà għidna – hija mħabba personali, fekonda u inkarnata: persunali għax isseħħ bejn żewġ persuni; fekonda għax hija awto-donazzjoni tal-miżżewġin lejn xulxin li hija miftuħa biex tilqa’ id-don tal-ħajja ta’ persuna oħra; inkarnata għax tesprimi ruħha permezz tal-ġisem uman li huwa l-espressjoni viżibbli tal-persuna umana, (li hija) unità ta’ ġisem u ruħ.

Din “il-persuna oħra” tista’ tkun id-donatur tal-isperma jew tal-bajda. Qabel xejn il-kelma “donatur” f’dan il-każ mhijiex korretta għax ġeneralment wieħed jagħti don meta jaf lil min ser jagħtih u joffrih. Fih innifsu d-don huwa att persunali, ħieles, intenżjonali li jkun indirizzat lejn xi ħadd li jinsab quddiemna u li naraw il-wiċċ tiegħu. Fil-każ tagħna, dawn il-persuni mhuma qed “jiddonaw” xejn: qed jagħtu minn dak li fin-natura huwa abbundanti imma jifirdu l-mument tal-fekondazzjoni mill-mument tal-laqgħa bejn il-mara u r-raġel, liema laqgħa sseħħ f’att li mhuwiex biss att bijoloġiku ta’ kopulazzjoni imma huwa att li jħaddan fih is-sinifikat persunali u interpersunali tal-prokreazzjoni umana. Dawn id-“donaturi” fil-fatt juru diżinteress sħiħ lejn dawk li ser ikunu l-ulied bijoloġiċi tagħhom.    

Din “il-persuna l-oħra” tista’ tkun il-mara li “tikri” il-ġuf tagħha biex fiha jiġi impjantat u jikber embrijun uman li hu ġenetikament għal kollox barrani għaliha, jiġifieri li mhuwiex l-iben jew bint bijoloġiku tagħha, jew il-mara li tilqa’ fil-ġuf embrijun imnissel minn bajda tagħha iffertilizzata mill-isperma ta’ donatur li jkollha l-ħsieb li ċċedi t-tarbija lil ħaddieħor malli titwieled. Dawn il-każijiet huma msejħa surrogate motherhood. Huma sitwazzjonijiet li jmorru kontra l-valur u s-sinifikat tal-maternità fejn il-ġuf tal-omm jiġi meqjus bħala speċi ta’ “inkubatur” u l-embrijun bħala sempliċi materjal bijoloġiku jew oġġett. Hija proċedura li toffendi s-sens tal-prokreazzjoni umana li mhija qatt sempliċi trasmissjoni ta’ ħajja bijolġika kwalsiasi imma t-trasmissjoni tal-ħajja umana. Il-Pastorali “tiċċelebra” il-ħajja umana billi tiċħad dawk il-proċeduri li jirriduċu l-prokreazzjoni għal sempliċi riproduzzjoni. Il-bnedmin fl-att tal-għotja lil xulxin qatt ma jipprokrejaw xi ħaġa imma lil xi ħadd. U dan ix-xi ħadd qatt mhuwa kopja – “riproduzzjoni” appuntu ta’ ommu u missieru – imma huwa dejjem persuna ġdida. Infatti l-psikoloġija tal-iżvilupp turina kemm biex il-bniedem jikber b’mod armonjuż u ekwilibrat huma importanti r-relazzjonijiet interpersonali. Żgur li l-ebda bniedem ta’ raġuni ma jista’ jgħid li l-prokreazzjoni umana hija sempliċi riproduzzjoni bijoloġika. Il-bniedem mhuwiex sempliċi animal. Biżżejjed naraw kif l-animali, bħal per eżempju qattusa, irabbu ż-żgħar tagħhom u kif mara trabbi l-ulied tagħha biex nifhmu li r-relazzjoni bejn il-persuni hija differenti mir-relazzjonijiet istintwali u ormonali ta’ bejn l-animali.

Għall-bniedem tar-raġuni dawn l-aspetti kollha li semmejna juru kemm dawn il-proċeduri jmorru kontra l-unita’ taż-Żwieġ u jikkostitwixxu vulnus (ferita) kontra l-embrijun uman f’li jiġi trattat bħala organiżmu kwalsiasi u mhux bħala bniedem. Minbarra dan, għall-bniedem tal-fidi dawn il-proċeduri jidhru wkoll bħala offiża għall-missjoni li l-Ħallieq ta lill-bnedmin kreaturi tiegħu. Kif tgħallem id-Donum Vitae, permezz tal-prokreazzjoni l-miżżewġin jissieħbu fl-opra tal-ħolqien ta’ Alla u jwettqu “matul l-istorja l-barka oriġinarja tal-Ħallieq, billi jittrasmettu fil-ġenerazzjoni ix-xbieha divina minn bniedem għal bniedem” (II, B, 4a).

Għaldaqstant, proċeduri bħall-IVF eterologa (fejn jintużaw l-isperma u/jew il-bajda li mhumiex tal-koppja li jixtiequ jsiru ġenituri), bħas-surrogate motherhood u d-donazzjoni tal-gameti (bajda u/jew sperma) huma offiża gravi kontra d-dinjità tal-bniedem u kontra l-unità taż-żwieġ u l-valur u s-sinifikat tal-prokreazzjoni umana.

Bl-istess mod hija offiża li jingħata aċċess għall-koppji omosesswali biex ikollhom it-tfal permezz tal-IVF. Filwaqt illi l-Knisja tikkundanna kull diskriminazzjoni kontra d-dinjità tal-persuna omosesswali (ara d-dokument tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Some Considerations Concerning the Response to Legislative Proposals on Non-discrimination of Homosexual Persons, 23 ta’ Lulju 1992), dan ma jfissirx li wieħed għandu jirrispetta kull xewqa li tiġi ippreżentata bħala “dritt” mentri fil-fatt huwa biss dritt fittizzju, preżunt u bla ebda bażi fir-realtà tal-affarijiet. Fuq kollox, hija nuqqas ta’ koerenza li biex inkunu “politikament korretti” ma “niddiskrimawx” lill-koppji omosesswali fl-aċċess għall-proċeduri tal-IVF u mbagħad niddiskriminaw lill-persuni dgħajfa, jiġifieri lill-embrijuni umani. Huwa fatt li mhuwiex fl-aħjar interess tal-embrijun li jiġi mnissel biex jitrabba minn koppja omosesswali. Dan mhuwiex argument biss “tal-Knisja” imma huwa mibni fuq studji li juru l-problematiċi marbuta mal-iżvilupp tat-tfal fejn waħda mill-figuri tal-omm jew tal-missier huma nieqsa.

Tajjeb niddistingwu bejn każ ta’ single mothers jew familji li jisseparaw jew jiddivorzjaw u l-każ ta’ same-sex parenting. Dan l-argument hu spiss użat minn dawk li jsostnu “id-dritt” tal-koppji omosesswali li jadottaw jew li jkollhom it-tfal permezz tal-IVF għax idawru l-argument li jsir kontrihom billi jgħidu li meta l-Knisja qed tgħid li t-trobbija ekwilibrata titlob il-presenza tar-raġel u tal-mara qed timplika li t-tfal ta’ single mothers jew it-tfal li jisfaw orfni jew ġo familji seperati huma skwilibrati. Il-każijiet huma diversi: mod it-tifel sab ruħu jeżisti f’sitwazzjoni ta’ omm mhux miżżewġa, jew imut wieħed mill-ġenituri tiegħu jew isseħħ separazzjoni u għaldaqstant isir dak li hu possibli fis-sitwazzjoni attwali għall-aħjar interessi tat-tifel; iżda hu għal kollox differenti l-każ fejn jiġi deċiż li titnissel ħajja umana bl-iskop li din tkun imċaħħda mill-missier jew mill-omm (jekk mhux ukoll mit-tnejn). Il-verità hi li l-aħjar ambjent fejn jitrabba t-tifel hija l-koppja stabbli, hija l-koppja miżżewġa, hija l-familja. Diġà huma diffiċli l-ambjenti fejn minħabba raġunijiet varji tonqos waħda mill-figuri. Ma jagħmilx sens imma li s-sitwazzjoni mhux ideali inġibuha aħna stess, anzi nippremeditawha.

Hemm studju awtorevoli u interessanti li jieħu posizzjoni kontra s-same-sex parenting li ħareġ f’Marzu li għadda mill-College of American Pediatricians intitulat: Homosexual parenting: Is it time for change?. Dan l-istudju huwa mimli riferenzi għal studji oħrajn li kollha jwasslu għall-konklużjoni kontra l-homosexual parenting għax imur kontra d-dritt tat-tifel li jikber f’ambjent armonjuż u favorevoli għall-iżvilupp globali tiegħu. Ninnutaw li dan mhux qed jgħiduh l-Isqfijiet tagħna, spiss “akkużati” flimkien mal-bqija tal-kleru bħala bnedmin ta’ moħħ magħluq (hemm min saħansitra jakkużahom ta’ omofobija), imma l-pedjatri, jiġifieri dawk it-tobba li kuljum jiltaqgħu ma’ eluf ta’ tfal u jakkumpanjawhom fit-trobbija u fl-infanzja tagħhom. Il-konklużjoni tagħhom ma tistax tiġi injurata jew imwarrba faċilment: “In summary, tradition and science agree that biological ties and dual gender parenting are protective for children. The family environment in which children are reared plays a critical role in forming a secure gender identity, positive emotional well-being, and optimal academic achievement. Decades of social science research documents that children develop optimally when reared by their two biological parents in a low conflict marriage. The limited research advocating childrearing by same-sex parents has severe methodological limitations. There is significant risk of harm inherent in exposing a child to the homosexual lifestyle. Given the current body of evidence, the American College of Pediatricians believes it is inappropriate, potentially hazardous to children, and dangerously irresponsible to change the age-old prohibition on same-sex parenting, whether by adoption, foster care, or reproductive manipulation. This position is rooted in the best available science.

 

3. Il-valur tas-sesswalità umana fiż-Żwieġ

Marbut ma’ dan li għidna u maż-żewġ valuri l-oħrajn, l-Isqfijiet jisħqu wkoll fuq il-ħtieġa li jkunu rispettat il-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ billi jfakkar li t-tnissil ta’ bniedem ġdid għandu dejjem ikun espressjoni tal-għotja tal-imħabba tat-tnejn li jsiru “ġisem wieħed” jew kif tissejjaħ bil-Latin “una caro”. Meta ngħidu “ġisem wieħed” qegħdin nifhmu li l-persuna tal-mara u tar-raġel ma jibqgħux la indipendenti minn xulxin għax fil-fatt jingħaqdu flimkien f’rabta dejjiema, u joħorġu minnhom infushom biex jingħataw lil xulxin; u lanqas mhuma dipendenti minn xulxin għax wieħed ma jiġix assorbit mill-ieħor jew imxejjen fl-ieħor. L-una caro ma tfissirx biss l-att konjugali. L-att konjugal huwa l-espressjoni l-aktar għolja, l-inkarnazzjoni ta’ dan “il-ġisem wieħed” li huwa l-essenza tal-ħajja miżżewġa. Il-“ġisem wieħed” huwa l-ħajja tal-miżżewġin li jgħixu fl-interdipendenza lejn xulxin li la hija dipendenza u lanqas indipendenza imma reċiproċità. Għall-miżżewġin insara din l-għaqda hija mgħollija minn Kristu għad-dinjità ta’ sagrament (iż-Żwieġ) u din l-interdipendenza tingħax bil-qawwa tal-imħabba ta’ bejn Kristu u l-Knisja tiegħu. Hija din l-interdipendenza ta’ responsabilità u libertà fl-istess ħin, ta’ reċiproċità – jiġifieri li wieħed iħares lejn il-persuna l-oħra u jgħix għall-persuna l-oħra –, ta’ alterità (mil-latin alter, il-bniedem l-ieħor), li tagħti spazju għall-bniedem ieħor: għat-tnissil ta’ persuna oħra li msejħa biex tikber fi ħdan relazzjonijiet interpersonali.

L-IVF, u b’mod partikulari proċeduri oħrajn bħalma huma l-ICSI, qed “jiskarnaw” il-prokreazzjoni ibda billi jneħħu l-istess protagonisti tal-prokreazzjoni, l-ewwel fosthom il-mara, mill-att tat-tnissil. Is-sinfikat tal-prokreazzjoni umana, bħalma diġa’ għidna, jinsab fil-kuntest tar-reċiproċità u tal-alterità  li fih titnissel il-ħajja. Li nkunu mwielda jfisser li kellna bidu minn oħrajn (l-alterità). Imma dawn il-proċeduri huma frott mentalità individwalista fejn issaltan il-loġika tal-azzjoni tekno-xjentifika li hija strument biex wieħed iwettaq il-proġett individwali tiegħu. F’dan il-każ adulti li għandhom il-proġett li jsiru ġenituri jaraw biss kif jissodisfaw ix-xewqa tagħhom u ftit li xejn jikkunsidraw id-dinjità tal-bniedem li ser jitnissel. Il-bniedem fin-natura tiegħu mhuwiex l-ewwelnett, bħalma jgħid il-filosfu Heideggar (1889-1976) Dasein, esistenza, imma huwa Mitsein, esistenza mal-oħrajn.  Allura mill-għeruq tagħha, l-IVF hija proċedura li teskludi din ir-relazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku għax tirbaħ il-loġika ta’ min hu l-aqwa fuq min hu dgħajjef. Forsi din mhijiex l-intenzjoni ta’ min kellu tfal bl-IVF...forsi qatt ma ħaseb fuq dan l-aspett imma fil-fatt il-proċedura li adotta tagħmel parti minn din il-loġika fejn fl-ewwel post ma ġiex ir-rikonoxximent tal-embrijuni li ser jitnisslu u li ser jiġu mqiegħda f’periklu li mhux fl-interess tagħhom, imma fl-ewwel post ġiet ix-xewqa tal-koppja li jsiru ġenituri. Fir-realtà bniedem rebaħ fuq bniedem ieħor. Għaldaqstant ġiet nieqsa r-reċiproċità.  

Sabiex jiġi irrispettat is-sinifikat tal-prokreazzjoni umana jeħtieġ li din tkun ikkunsidrata mill-ottika u fi ħdan ir-relazzjoni u mhux bħala teknika individwali. Il-bniedem li jiġi fid-dinja huwa dejjem novità u għandu jiġi irrispettat billi jiġi milqugħ u mhux prodott, rikonoxxut bħala bniedem u mhux bħala materjal bijoloġiku.

Dan kollu li qed insemmu jpoġġi in diskussjoni kwistjoni antropoloġika importanti: is-sinifikat tal-prokreazzjoni umana li – ma nixbgħux intennu – ma tistax tiġi ibbanalizzata u ridotta għal sempliċi trasmissjoni ta’ informazzjoni ġenetika jew bħala riproduzzjoni bijoloġika. Skont l-istudjuża Elena Colombetti, professura tal-Filosofija Morali fi ħdan l-Ateneo di Bioetica tal-Università Cattolica del Sacro Cuore f’Ruma, fi żmienna l-kunċett ta’ “umanità” sar kunċett kulturali u ġie mifrud min-natura. Fi kliem ieħor, b’natura sirna nifhmu l-ġisem meqjus bħala piż jew bħala xi ħaġa newtra, u b’kultura sirna nifhmu dak li jitqies bħala proprjament uman, l-ambitu li fih jidhru l-kapaċitajiet kollha tagħna, titħaddem il-libertà u tesprimi ruħha d-dinjità. Għaldaqstant femministi bħal Simone de Beauvoir jaslu biex iqisu l-bniedem bħala antiphysis, jiġifieri l-bniedem mhux definit min-natura tiegħu imma l-umanità tiegħu tinsab filli jbiddel is-sens tan-natura. Hekk de Beauvoir issostni li l-emanċipazzjoni tal-mara tikkonsisti f’li teħles lilha nnifisha mill-iskjavitù tal-ġisem, billi tiċħad il-maternità tagħha. Imma fil-verità, l-identita’ tal-mara bħala “esseri uman femminili” hija marbuta ma’ dik ta’ ġisem uman li jista’ jagħti t-twelid. Mara li tiċħad l-istess identità tagħha u tagħti lilha nnifisha identità “kulturali” tispiċċa f’kuntrast bejn dak li tassew hi u dak li tgħid li “kulturalment” hi. Hawn mhux qed tiġi nieqsa d-dinjità tal-mara, indaqs għal dik tar-raġel, imma appuntu din id-dinjità indaqs ma ġġibx fix-xejn ir-rikezza tad-diversità tal-persuna umana maskili u tal-persuna umana femminili, liema rikezza tagħti lok għall-kumplimentarjetà interpersonali. Anzi dan it-tip ta’ femminiżmu aggressiv ikompli jsaħħaħ il-maskiliżmu li suppost irid jikkumbatti. Dan għaliex la dan il-femminiżmu jrid ibiddel il-mara f’raġel billi jiċħad in-natura essenzjali tagħha ta’ essri uman femminili, hu qed isostni li l-mara biex ikollha valur u dinjità trid issir bħar-raġel! Paradossalment dan il-femminiżmu aggressiv huwa fil-fatt tip ta’ maskiliżmu aggressiv kontra d-dinjità tal-mara u ta’ dak li l-Beatu Ġwanni Pawlu II sejjaħ “il-ġenju femminili” (Mulieris dignitatem, 15 t’Awwissu 1988).


* Din is-sensiela ta' artikli ġiet stampata fuq diversi ħarġiet tal-ġurnal Leħen is-Sewwa matul Awwissu-Settembru 2012. Il-partijiet l-oħra huma: Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 1)Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 2)Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 3)Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 4).