Written by Fr.Richard Nazzareno Farrugia

Jisimha Chiara...

Jisimha Chiara. Tiltaqa’ ma’ Enrico waqt pellegrinaġġ lejn Medjugorje. Fl-2008 jiżżewġu u flimkien jiffurmaw familja nisranija. Chiara toħroġ tqila wara xahar miżżewġin. Fil-bidu jidher li kollox jinsab sew imma mbagħad issir taf li t-tarbija li ser titwieled, li ser tkun tifla, ser ikollha malformazzjoni f’rasha u mhux ser ikollha żmien twil ta’ ħajja. Jissuġġerulha li tabortixxi. Imma hi flimkien ma’ Enrico jridu lil din it-tarbija. Fi kliem Chiara: “Il-Mulej iqiegħed il-verità f’kull wieħed u waħda minna u m’hemmx ċans li ma nifhmux.”

Titwieled Marija u tgħix nofs siegħa. Chiara tgħid illi kieku kellha tabortixxi ma kienet qatt ser tiftakar fil-jum tat-twelid ta’ Marija bħala jum ta’ festa. “Imma – tgħid Chiara – niftakar fil-ferħ ta’ dak il-jum.” U għandha messaġġ għall-ommijiet: “Nixtieq ngħid lill-ommijiet li aktar jgħodd il-fatt li jkollok id-don ta’ tifel, milli l-ħin li jingħatalna biex noqogħdu miegħu.” Id-don ta’ tifel jew tifla hu kbir wisq għal Chiara, anki jekk it-tarbija tgħix biss tletin minuta. Dawn it-tletin minuta huma biżżejjed biex juruha mħabbithom, biex idaħħluha fil-familja ta’ Alla bil-Magħmudija.

Chiara mill-ġdid toħroġ tqila, imma anki hawn il-prova ma tonqosx. It-tarbija li ser ikollha wkoll għandha malformazzjoni u ser titwieled bla riġlejn. Mill-ġdid Enrico u Chiara jagħżlu l-ħajja. Jitwieled Davide, imma minħabba kumplikazzjoni oħra, imut wara ftit sigħat.

Chiara għat-tielet darba ġġor ġo ġufha ħajja oħra. Hija l-ħajja ta’ tarbija li din id-darba hi mimlija bis-saħħa. Imma waqt it-tqala jirriżulta li Chiara għandna l-bidu ta’ cancer. Għandna għażla: jew tikkura lilha nnifsha u b’konsegwenza tat-terapija titlef it-tarbija, jew tkompli bit-tqala u tħalli l-cancer jinfirex. Tagħżel li tkompli bit-tqala: “imbagħad wara naħseb fija” tgħid; u jitwieled Francesco mimli bis-saħħa. Il-marda tilħaq tinfirex sew f’ġisem Chiara. Tibda t-terapija imma huwa tard wisq u m’għadx fadal tama. Chiara iżda sal-aħħar tieħu ħsieb lil dawk ta’ madwarha. Torganizza vjaġġ għal Medjugorje biex tħejji lil niesha għal mument ta’ tluq. Fl-aħħar jiem, skont wieħed minn ħbiebha, ħsiebha kien biss fuq kif ser tkun il-Ġenna. U Chiara ttir lejn is-sema.

Din hi l-istorja ta’ Chiara Corbello, omm ta’ tmienja u għoxrin sena. Storja ta’ dan ix-xahar, Ġunju 2012 li sseħħ ġewwa Ruma. Storja li tkellemna fuq il-valur tal-ħajja, is-sbuħija tal-imħabba li tingħata sal-aħħar. Francesco, li llum għandu sena, għad isir jaf kemm kien maħbub sa mill-bidu b’imħabba erojka, ta’ omm li għażlet li jgħix hu minflok ma tgħix hi.

Sabiħ dan il-video fuq YouTube ta’ Chiara hija u titkellem ġewwa l-parroċċa ta’ San Francesca Romana ġewwa Ruma fl-2009, meta tirrakonta l-istorja tal-ewwel tarbija tagħhom, Marija. Fi kliemha jinħass il-kobor tal-qalb u tal-fidi ta’ din l-omm, qalb li waslitha biex tagħti ħajjitha għall-uliedha.

http://www.youtube.com/watch?v=ZpHOO3IU6Zc