Written by Fr.Richard Nazzareno Farrugia

Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 1)

 

1. Is-sejħa biex “niċċelebraw il-ħajja umana”

Ġeneralment, meta wieħed jiċċelebra, inissel ferħ f’dawk kollha ta’ madwaru u l-istedina tiegħu “għaċ-ċelebrazzjoni” tiġi milqugħa minn bosta. Imma mhux dejjem hekk. Xi drabi jista’ ikun li wieħed jiċċelebra għal raġuni li toffendi jew hija ta’ niket għal xi ħadd ieħor. Hekk ngħidu aħna meta fi tmiem partita tal-futbol, it-tim rebbieħ jiċċelebra r-rebħa tiegħu u għalhekk jifraħ bit-telfa tat-tim l-ieħor. Hemm każi oħrajn fejn wieħed inġustament jifraħ bit-tbatija tal-ieħor.

Biss hemm drabi oħrajn meta ċ-ċelebrazzjoni tas-sewwa toħloq rifjut f’min dik is-sewwa u dik il-vertita’ tiskomodah. Għal min hu dixxiplu ta’ Kristu, din ir-reazzjoni ta’ rifjut mhijiex sorpriża jew xi ħaġa ġdida għax mexjin wara Dak li ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx (Ġw 1, 11), li jistieden għal festa tat-tieġ imma l-mistednin jagħżlu li ma jiħdux sehem (Mt 22, 1-24).

Għaldaqstant, minkejja l-kritika qawwija li qamet minħabba l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet tagħna, u għalkemm wieħed jibqa’ milqut u mnikket minn ċerti dikjarazzjoni u atteġġjamenti, xejn m’għandu jtellef milli nilqgħu l-istedina li qed jagħmlulna r-rgħajja tagħna, jiġifieri, li “niċċelebraw il-ħajja umana”. F’idejna qed jaslilna dokument li jiġbor fih fil-qosor dak li “l-komunita’ Kattolika f’pajjiżna” u “dawk ħutna Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba” għandhom ikunu jafu sabiex jiffurmaw tajjeb il-kuxjenza tagħhom “dwar suġġett daqshekk qaddis u fundamentali bħalma huwa l-ħajja umana” (par. 2). L-Ittra Pastorali għaldaqstant mhijiex indirizzata lil xi kategorija speċifika tas-soċjetà Maltija, imma għandna l-għan li ddawwal il-kuxjenza tal-persuni individwali sabiex kulħadd skont l-istat u l-irwol tiegħu fis-soċjetà ikun jista’ jħares il-valur tal-ħajja umana u jimpenja ruħu biex din tiġi iċċelebrata kemm fid-deċiżjonijiet persunali tiegħu kif ukoll fis- soċjetà.

Din iċ-ċelebrazzjoni tista’ tiftiehem jekk aħna u naqraw l-Ittra Pastorali nżommu quddiem għajnejna l-prinċipju tal-caritas in veritate, bħalma jgħidulna Mons. Cremona u Mons. Grech qabel jippreżentaw it-tagħlim tal-Knisja fuq il-fertilizzazzjoni in vitro (IVF): “Il-karità u l-verità jmorru flimkien, u hi l-Verità li tassigura l-karità awtentika” (par. 7). Huwa dan il-prinċipju li jmexxi lill-Knisja biex isemma’ leħinha u tagħti l-ġudizzju etiku tagħha dwar ir-riċerka u l-metodi tekniċi fil-qasam tat-tnissil tal-bniedem.

X’inhi l-Verità? Il-Verità li xxandar il-Knisja mhijiex kunċett, imma l-persuna ħajja ta’ Kristu li juri lilu nnifsu bħala l-Verità (Ġw 14,6). Bħalma jgħallem il-Konċilju Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja u d-dinja, Gaudium et spes, huwa “biss fil-misteru tal-Verb Inkarnat li jiddawwal verament il-misteru tal-bniedem” (n. 22). Il-Knisja ġiet afdata bil-missjoni li xxandar din il-Bxara t-Tajba, lil Kristu, id-Dawl tad-dinja, u din il-missjoni jaqduha l-Papa u l-Isqfijiet f’komunjoni miegħu. Infatti, bħalma tgħallem Kostituzzjoni oħra tal-Konċilju, Dei Verbum, huwa l-Maġisteru ħaj tal-Knisja, li jeżerċita l-awtorita’ tiegħu fl-isem ta’ Ġesù Kristu, li għandu l-uffiċċju li jinterpreta b’mod awtentiku l-kelma ta’ Alla, miktuba u mwassla (n. 10). L-Iskrittura Mqaddsa, it-Tradizzjoni Mqaddsa tal-Knisja (tradizzjoni mhux fis-sens ta’ użanza imma fis-sens veru tal-kelma latina tradere, jiġifieri dak li ġie mgħoddi lilha minn Ġesù u li baqa’ jiġi trasmess mill-Appostli għas-suċċessuri tagħhom tul is-sekli), u l-Maġisteru ma jistgħux jiġu mifruda minn xulxin.

 

2. Il-fidi u x-xjenza (par. 4-8)

Biex tiċċelebra, tajjeb li tkun ċert li għandek għalfejn tiċċelebra. Inkella l-festa tista’ tinbidel f’dispjaċir u f’niket. Hekk ukoll biex niċċelebraw il-ħajja umana, inridu nifhmu x’qegħdin niċċelebraw.

Imma ma nridux naħsbu li din hi ċelebrazzjoni ta’ min jemmen fi Kristu biss jew li m’għandhiex għeruq f’dak li tgħallem ix-xjenza. L-Isqfijiet jiddedikaw sensiela ta’ paragrafi biex jispjegaw ir-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-fidi Nisranija u x-xjenza fl-ambitu tat-tnissil tal-ħajja umana. Dan għaliex ix-xjenza waħidha tara l-fatti imma ma tistax tfiehem is-sinifikat. Ix-xjenza mhijiex l-uniku għajn tal-għerf uman. Mhuwiex l-unika lenti li biha nistgħu nkunu nafu r-realtà. Ir-rispett lejn ix-xjenza jfisser li nħallu lix-xjenza tkun xjenza, tibqa’ riċerka tal-verità, imma li ma ssir qatt idejoloġija jew il-kriterju uniku tal-verità.

Ir-riċerka xjentifika mħollija waħidha tista’ twassal biex wieħed jaħseb li għax ħaġa hija teknikament possibli, allura hija moralment aċċettabli. Ix-xjenza, bħalma jgħidu r-rgħajja tagħna huma u jirreferu għall-kelmiet tal-Papa Benedittu XVI, tista’ issir “xjentiżmu”, idejoloġija li tqis li l-uniku kriterju li għandu jmexxi r-riċerka huwa dak li jara jekk xi ħaġa hix possibli ssir jew le u mhux tant jekk hijiex moralment tajba jew ħażina. Fil-qasam tat-tnissil tal-ħajja umana dan ix-xjentiżmu qed iwassal biex il-bniedem li jitnissel jitqies bħala prodott, bħala sempliċi materjal bijoloġiku. Biex ngħidu hekk, ix-xjenzat ma jibqax kapaċi “jara” lill-bniedem imma  jibda jara biss “massa ta’ ċelluli”. Jitlef anki s-sens ta’ meravilja li hemm marbut mal-bidu tal-ħajja umana. Ix-xjenzat li jaqra kollox, biex nużaw espressjoni, “bil-lenti kiesħa tal-mikroskopju” , ma jibqax jara fit-tnissil tal-bniedem ġrajja (“event”) imma proċess, mhux tant il-bidu tal-ħajja umana imma l-bidu ta’ ħajja organika kwalsiasi. Għalih il-ħajja umana ma tibqax ċelebrazzjoni, imma proċedura teknika.

F’diskors ieħor importanti fuq ir-relazzjoni bejn il-fidi u x-xjenza li għamel f’Mejju li għadda, il-Papa stqarr illi “mogħni b’ħafna mezzi, imma mhux daqstant ieħor b’finijiet, il-bniedem ta’ żmienna jgħix spiss ikkundizzjonat mir-ridużjoniżmu u r-relativiżmu, li jwasslu biex jintilef is-sinifikat tal-affarijiet” (Diskors, 3 ta’ Mejju 2012). Il-fidi tagħna Kristjana hija l-fidi tal-Logos, tal-Verb, li joħloq kulma jeżisti u jmexxi l-intelliġenza tal-istorja. Huwa l-Logos, Kristu nnifsu, li jdawwal ir-realtà tagħna.

Mhux ta’ b’xejn kien dan id-Dawl li wassal lill-insara tul l-istorja tal-Knisja biex jistħarrġu aktar u jiżviluppaw ix-xjenzi. Ilkoll nafu li l-iżviluppi sinifikattivi tal-mediċina u tal-kura, u anki l-ewwel studji importanti fuq l-eredità ġenetika seħħew ġewwa l-monasteri u l-abbazziji. L-istorja tixhed li l-fidi mhix kontra x-xjenza, anzi l-istess fidi twassal biex insiru nafu aħjar u ntejbu l-ħajja tal-bniedem. Bħalma naqraw fl-Ittra Pastorali: “il-Knisja, fid-dawl tal-verita’ magħrufa mir-raġuni naturali u msaħħa mir-Rivelazzjoni, dejjem ħeġġet għall-approfondiment tax-xjenza għas-servizz awtentiku tal-bniedem” (par. 6).

 

* Din is-sensiela ta' artikli ġiet stampata fuq diversi ħarġiet tal-ġurnal Leħen is-Sewwa matul Awwissu-Settembru 2012.