Written by Fr.Richard Nazzareno Farrugia

Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 2)

F'din il-parti sejrin naraw id-diversi metodi tal-prokreazzjoni assistita u nagħmlu valutazzjoni morali fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. 

Il-metodi tal-prokreazzjoni assitita

Tajjeb nibdew b’daħla qasira biex niddeskrivu l-proċeduri prinċipali marbuta ma’ dik li tissejjaħ “prokreazzjoni assistita”. L-Ittra Pastorali tittratta prinċipalment l-IVF li hija teknika fejn it-tnissil ma jsirx fil-ġisem (in vivo) imma ’l-barra mill-ġisem uman (in vitro). Proprjament nitkellmu mill-proċedura IVFET (ara disinn hawn taħt fuq ix-xellug): In vitro fertilization and embryo transfer. Hija proċedura li tikkonsisti f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tikkIl-proċedura tal-IVF u ETonsisti f’li jinġabru l-gameti (l-isperma tar-raġel u l-bajda tal-mara). Ġeneralment l-bajda tinġabar billi jsir trattament ormonali ta’ hyper-stimulation sabiex l-ovarji jipproduċu aktar minn bajda waħda biex jinġabru. L-isperma ġeneralment tinġabar permezz tal-masturbazzjoni u l-ġbir tas-semen tar-raġel. Il-bajda tiġi iffertilizzata fil-laboratorju u mbagħad l-embrijun jiġi trasferit fil-ġuf tal-mara (embryo transfer). Meta jkun hemm każ fejn l-ispermi tar-raġel huma dgħajfa, ikun meħtieġ li l-isperma tiġi direttament injettata fil-bajda. Hawn il-proċedura tissejjaħ ICSI (ara disinn hawn taħt fuq il-lemin): Intra-cytoplasmic sperm injection. L-istatistiċi jindikaw li fl-2008 ’il-fuq minn 40% tal-proċeduri tal-IVF użaw din it-teknika tal-ICSI.Il-proċedura tal-ICSI

Biss, inridu ngħidu li hemm ukoll dawk il-proċeduri fejn il-fertilizzazzjoni sseħħ fil-ġisem (intrakorporja). L-artificial insemination hija waħda minnhom. Din tikkonsisti fi tliet fażijiet: l-ewwelnett ikun hemm trattament ormonali biex isseħħ l-ovulazzjoni (jiġifieri biex l-ovari tal-mara jipproduċu l-bajda); imbagħad ikun hemm il-ġbir tal-isperma li tiġi eventwalment trattata; imbagħad iseħħ it-trasferiment tal-isperma fil-partijiet ġenitali femminili (il-vaġina, fic-cervix, fil-fallopian tube jew fl-intraperitoneum). F’dan il-każ il-fertilizzazjoni sseħħ b’mod naturali. Proċedura oħra fejn il-fertilizzazjoni ssir fil-ġisem uman hija l-GIFT, il-Gamete Intra Fallopian Transfer. Hawn ukoll isir it-trattament ormonali għall-ovulazzjoni, imma l-bajda tiġi miġbura. Anki l-isperma jiġi miġbur. Il-gameti maskili u femminili jiġu mbagħad trasferiti flimkien fil-fallopian tube imma bejniethom ikunu mifruda minn bużżieqa tal-arja u mbagħad eventwalment il-fertilizzazjoni sseħħ ġewwa l-Fallopian tube.    

F’dawn il-proċeduri kollha li semmejna niddistingwu bejn proċedura omologa u proċedura eterologa. Proċedura omologa hija meta jintużaw il-gameti tal-koppja stess mentri dik eterologa hija meta wieħed jew iż-żewġ gameti huma ta’ terzi persuni u mhux tal-koppja.

Kif turi l-Ittra Pastorali l-Knisja mhijiex kontra l-progress xjentifiku imma għandha kriterji biex tgħarbel proċedura minn oħra u tagħti ġudizzju etiku fuqha. Il-Knisja mhijiex kontra kull tip ta’ proċedura ta’ prokreazzjoni assistita anzi “jistgħu jkunu aċċettati dawk il-metodi tekniċi li jgħinu l-att konjugali personali biex jilħaq l-iskop li titnissel ħajja umana” (par. 11). Hawn jinsab implikat il-kriterju tal-adiuvatio naturae (l-għajnuna/l-assistenza lin-natura). Kien hemm min ikkritika lil Knisja li ma tridx li l-bniedem jgħin lin-natura u għalhekk isostni li b’dan ir-raġunament allura l-Knisja m’għandhiex taċċetta l-interventi tal-mediċina u tal-kirurġija li jsalvaw il-ħajja tal-bniedem. Dan mhuwiex minnu. Il-bniedem hu mogħni bl-intelliġenza mill-Ħallieq biex itejjeb il-ħajja tiegħu u dik ta’ bnedmin oħra. Imma fil-każ tal-IVF u proċeduri jixxiehbu, il-bniedem mhux qiegħed jgħin lin-natura imma qed jissostitwixxi lin-natura. Bħalma jgħallem moralista teologu Taljan, Maurizio Pietro Faggioni (La vita nelle nostre mani, Edizioni Camilliane, Torino 2004, 322), hawn it-terminu ta’ “natura” m’għandux jiftiehem f’sens fiżiċista (f’sens ta’ ġisem, organi biss) imma f’sens personalista, jiġifieri bħala n-natura tal-bniedem, l-essenza tiegħu li tagħmlu bniedem, li tagħmlu uman. Allura b’natura nifhmu dawk ir-realtajiet u dinamiżmi li jaħdmu flimkien biex isawwru lill-persuna fid-diversi aspetti u dimensjonijiet tagħha bħala persuna korporja u spiritwali, ġisem u ruħ. Għaldaqstant, il-Knisja tikkundanna dawk it-tekniċi li, bħalma jgħallem Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika Evangelium vitae, jifirdu l-prokreazzjoni mill-kuntest kollu kemm hu uman tal-att konjugali (n. 14).

Infatti jkollna nammentu li l-frażi “fekondazzjoni assistita” jew “prokreazzjoni assistita” użata biex tiffereri għall-IVF jew għall-ICSI mhijiex korretta. Anzi hija qarrieqa għax fil-fatt f’dawn il-proċeduri ma tingħatax assistenza imma l-fekondazzjoni sseħħ ’il-barra mill-ġisem tal-konjuġi permezz tal-azzjonijiet ta’ terzi persuni li bil-ħila u l-kompetenza teknika tagħhom iwasslu għas-suċċess tal-intervent. Il-filosofu Taljan Vittorio Possenti (Il Principio-persona, Armando Editore, Roma 2006, 140) jgħid illi meta hemm assistenza, il-bniedem li jiġi assistit jibqa’ s-suġġett ewlieni, awtonomu u iniżjatur ta’ proċess vitali li ma jiġix imneżżgħa mill-modalità naturali tiegħu filwaqt li l-assistenza tillimita ruħha biex tgħin. Imma fl-IVF “il-bnedmin it-tekniċi” jieħdu post iż-żewġ suġġetti (dawk li ser ikunu omm u missier). Il-kirurgu u bioetiċista Adriano Bompiani (Bioetica dalla parte dei piu’ deboli, Bologna 1994, 147) infatti jissuġġerixxi li f’dawn il-każijiet wieħed jitkellem minn “tecniche di riproduzione artificiale”.

Sejrin naraw f’aktar dettall għalfejn l-IVF hija teknika moralment ħażina, kif inhija wkoll l-ICSI u proċeduri ta’ dan it-tip. Dwar l-artificial insemination omologa jidher li hemm qbil fost il-moralisti Kattoliċi li hija amissibli fil-linja ta’ prinċipju kemm-il darba ma tiħux post l-att konjugali li jista’ iseħħ b’mod naturali huwa u jirrispetta s-sinifikat unittiv u s-sinifikat tal-apertura għall-ħajja. Fil-qosor, bħalma jistqarr id-dokument Dignitas personae huwa u jikkwota d-Donum vitae, “Homologous artificial insemination within marriage cannot be admitted except for those cases in which the technical means is not a substitute for the conjugal act, but serves to facilitate and to help so that the act attains its natural purpose” (n. 12). Il-Kardinal Elio Sgreccia, bioetiċista ta’ fama internazzjonali li għal bosta snin mexxa l-Pontificia Accademia Pro Vita, organiżmu tal-Maġisteru tal-Knisja li jieħu ħsieb jittratta t-temi li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja, jikkumenta illi fil-każ ta’ inseminazzjoni “artifiċjali” tingħata għajnuna teknika sabiex is-semen li jiġi eġakulat fl-ambitu u f’koinċidenza mal-att konjugali jista’ jingħaqad maċ-ċellula tal-bajda u jġib fis-seħħ il-fekondazzjoni (Manuale di Bioetica, vol. 1, 625). Hemm min forsi jqis dan it-tagħlim bħala kuntrarju għal dak li tgħallem il-Knisja fil-materja tas-sesswalità umana minħabba l-fatt li r-raġel jiġbor is-semen tiegħu permezz ta’ condom li juża’ waqt l-att konjugali. Biss f’dan il-każ speċifiku il-condom mhux qed jintuża biex l-att konjugali jkun magħluq għall-ħajja imma sabiex l-att konjugali jkun jista’ jingħata għajnuna teknika biex jinfetaħ għall-ħajja. Jgħid Faggioni illi fil-każ tal-inseminazzjoni artifiċjali omologa, “l-att konjugali u l-konċepiment huma mifruda fiż-żmien (bħalma fl-aħħar mill-aħħar jiġri fin-natura), imma jibqgħu f’għaqda stretta kemm ta’ sinifikati (unittiv u apertura għall-ħajja) u kemm ta’ intenzjoni: dak l-att konjugali huwa l-oriġni ta’ din il-ħajja umana” (La vita nelle nostre mani, 325). Għalhekk f’din il-proċedura s-sinifikati tal-prokreazzjoni umana huma rrispettati, u l-fertilizzazzjoni, b’differenza għall-IVF, isseħħ fil-ġisem tal-omm (in vivo) u mhux fil-kuntest disinkarnat ta’ petri dish ta’ laboratorju (in vitro, literalment “fi ħġieġa”). Ninnutaw għalhekk li f’dan il-każ m’hemmx biss għaqda tal-intenzjoni, imma wkoll il-proċedura tal-inseminazzjoni artifiċjali omologa – proprju għax tgħin u mhux tissostitwixxi l-att konjugali – tirrispetta l-valur tal-prokreazzjoni umana li jitlob li t-trasmissjoni tal-ħajja umana tkun dejjem magħquda mal-imħabba konjugali li hi dejjem imħabba persunali, fekonda u inkarnata: persunali għax isseħħ bejn żewġ persuni; fekonda għax hija awto-donazzjoni tal-miżżewġin lejn xulxin li hija miftuħa biex tilqa’ id-don tal-ħajja ta’ persuna oħra; inkarnata għax tesprimi ruħha permezz tal-ġisem uman li huwa l-espressjoni viżibbli tal-persuna umana, (li hija) unità ta’ ġisem u ruħ.

Dwar il-GIFT u proċeduri analogi d-diskussjoni għadha għaddejja, filwaqt li hija ċara l-posizzjoni tal-Knisja kontra l-IVF, l-ICSI u proċeduri bħalhom. Fuq l-IVF u t-tagħlim tal-Knisja ser nitkellmu aktar ’il-quddiem.

Id-dokumenti prinċipali tal-Maġisteru

L-Ittra Pastorali għaldaqstant, f’sintonija mat-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja, tiċċelebra l-ħajja umana billi teħodha kontra dawk il-proċeduri li joffendu d-dinjità tagħha. Id-dokumenti prinċipali tal-Maġisteru f’dan il-qasam – u li fuqhom hija mibnija l-Pastorali – huma tliet dokumenti maħruġa mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi: id-dikjarazzjoni De abortu procurato fuq l-abort prokurat (18 ta’ Novembru 1974); l-istruzzjoni Donum Vitae fuq ir-rispett tal-ħajja umana li qed titwieled u d-dinjita’ tal-prokreazzjoni (22 ta’ Frar 1987); u l-istruzzjoni Dignitas Personae fuq xi kwistjonijiet tal-bioetika (8 ta’ Settembru 2008); u l-Ittra Enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II, Evangelium vitae fuq il-valur u l-invjolabilità tal-ħajja umana (25 ta’ Marzu 1995).

* Din is-sensiela ta' artikli ġiet stampata fuq diversi ħarġiet tal-ġurnal Leħen is-Sewwa matul Awwissu-Settembru 2012. L-ewwel parti tinsab fuq dan is-sit: Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 1).