Written by Fr.Richard Nazzareno Farrugia

Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 3)

Mill-mument tat-tnissil hemm il-ħajja tal-persuna umana

Il-Knisja tibni t-tagħlim tagħha billi titlaq minn dak li turi l-evidenza xjentifika. Infatti jidher li l-Knisja hi fost dawk li l-aktar għandhom rispett kbir u sinċier lejn ix-xjenza għax ma tgħawwiġx il-verita’ xjentifika biex tiġġustifika l-argumenti tagħha imma taqra u tilqa’ l-evidenza xjentifika dwar il-bidu tal-ħajja tal-bniedem. Fir-rigward tat-tnissil tal-bniedem, il-Knisja ma tgħallem xejn li jmur kontra l-evidenza xjentifika li taslilna mill-bijoloġija, jew aktar preċiżament, mill-embrijoloġija (ix-xjenza li tistudja l-iżvilupp tal-embrijun mill-mument tal-fertilizzazzjoni tal-bajda sakemm isir fetu). Il-bijoloġija, in kwantu xjenza empirika, jiġifieri mibnija fuq dak li tosserva, għandha l-kompitu li taqra r-realtà naturali. Biss il-bijoloġija waħidha ma tistax tgħidilna li dak il-bniedem li jiġi mnissel huwa persuna mogħnija b’dinjità. Dan huwa kompitu tal-ħsieb tal-bniedem, tal-filosofija msejħa antropoloġija li ma tistax tiġi injurata, għax inkella nerġgħu naqgħu fin-nasba li naraw il-bniedem biss bħala ċelluli, nervaturi, organiżmu u xejn aktar: u din mhijiex il-verità sħiħa dwar il-bniedem.

Mill-istudji li jitrattaw il-bidu tal-ħajja tal-bniedem joħroġ ċar li minnufih malli l-bajda tal-mara tiġi iffertilizzata min-nukleju tal-isperma tar-raġel għandna individwu apparteneti għall-ispeċi umana għax sa minn dak il-ħin tal-fertilizzazzjoni, mill-mument tal-kostituzzjoni żigotika tiegħu, hu għandu patrimonju ġenitiku, id-DNA, li għandu sekwenzi ġenetiċi li huma speċifikament umani. Din l-informazzjoni ġenetika tindika ħolqien ta’ individwu ġdid li mhuwiex sempliċiment iż-żieda tal-kromosomi tar-raġel mal-kromosomi tal-mara, imma aktar milli “riżultat” jew “prodott” huwa entità għal kollox ġdida, entità li hija l-bniedem uman li permezz tal-informazzjoni ġenetika li għandu jġorr fih il-programm tal-iżvilupp tiegħu. Dan l-iżvilupp għandu tliet karatteristiċi bijoloġiċi: il-koordinament tal-ġeni bejniethom; il-kontinwità fit-tiswir tal-organiżmu; u l-gradwalità ta’ proġett individwali uniku li jgħaddi minn struttura aktar sempliċi għal struttura aktar kumplessa.

Din hija l-verità li taslilna mit-tobba li jistudjaw l-ewwel fażijiet tal-ħajja tal-bniedem uman. L-informazzjoni bijoloġika tindikalna li mit-tnissil għandna quddiem għajnejna ħajja individwali ta’ bniedem. Quddiem din l-evidenza wieħed ma jistax jiċħad li mhuwiex hekk. Saħansitra l-Warnock Report ma setax jiċħad din l-evidenza.

Dan ir-rapport kien sar mill-Kummissjoni Warnock li fl-1982 ġiet imwaqqfa fl-Ingilterra biex tistħarreġ fuq il-fertilizzazzjoni umana u l-embrijoloġija u tagħti tweġiba għall-problemi li kienu qamu minħabba l-fekondazzjoni ’il-barra mill-omm (extra-korporja) u fuq l-embrijuni in vitro. Dan ir-rapport kien ħareġ sentejn wara bid-deċiżjoni li l-embrijun uman seta’ jiġi użat fl-ewwel erbatax-il jum mit-tnissil bl-argument li ma jkunx għadu ippjanta ruħu fl-uteru tal-omm. Sena wara fl-1985 ġie imdaħħal it-terminu pre-embryo biex jirreferi għall-embrijun qabel ma tifforma “the first streak”, jew bi kliem aktar sempliċi, qabel ma jimpjanta ruħu fl-uteru. L-argument li ġabu kien li f’din l-ewwel fażi “l-pre-embrijun” jista’ jinqasam fi tnejn u jagħti bidu għal żewġ individwi (tewmin monożigoti, ċioè li ġejjin mill-istess bajda fertilizzata). Imma dan l-argument ma jirriflettix il-verità ta’ dak li jiġri fil-fatt. Li jseħħ fil-fatt mhijiex id-diviżjoni vera u proprja tal-embrijun li jinqasam f’żewġ partijiet, imma għandna l-fenomenu ta’ ġenerazzjoni a-sesswata (mingħajr l-att konjugali) ta’ embrijun minn ieħor minħabba li jinqatgħu minnu waħda jew aktar ċelluli. Infatti t-tewmin monożigoti jista’ ikollhom differenzi fil-kostituzzjoni kromosomika, hekk li kien hemm każi fejn wieħed twieled normali u l-ieħor twieled bid-Down Syndrome. Dan juri li mhijiex il-qasma ta’ wieħed fi tnejn.

Għaldaqstant it-terminu “pre-embrijun” huwa, bħalma jgħidu l-Latini, vocis flatus, jiġifieri espressjoni li m’għandhiex kontenut, li m’għandhiex għeruq fir-realtà. Huwa mod kif wieħed jipprova jqarraq l-opinjoni pubblika. Mit-tnissil, jeżisti l-embrijun li huwa individwu uman. Infatti, biex nerġgħu lura għall-argument li minnu tlaqna, il-Warnock Report ma setax ma jammettix din l-evidenza minkejja li jasal għal konklużjonijiet li mhumiex f’sintonija ma dak li jistqarr. Infatti l-Kummissjoni tammetti illi: “While,as we have seen, the timing of the different stages of developmentis critical, once the process has begun, there is no particularpart of the developmental process that is more importantthan another; all are part of a continuous process, and unlesseach stage takes place normally, at the correct time, and inthe correct sequence, further development will cease” (Warnock Report, 11.19).

Għalhekk il-ħajja umana għandha tkun iċċelebrata sa mit-tnissil, u minn hawn joħroġ id-dmir tal-Knisja li – mill-ġdid l-Ittra Pastorali – “tiddefendi liż-żgħir u tagħti vuċi lil min m’għandux” u li “ttenni bil-qawwa l-iva tagħha għall-ħajja, u dan l-aktar meta l-ħajja hija dgħajfa, bħal fil-każ ta’ meta l-bniedem ikun fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tiegħu” (par. 5).

Din l-“iva” għal ħajja umana timplika “le” ċar għal dak kollu li jqiegħed din il-ħajja f’riskju inutli.  L-IVF huwa metodu li jpoġġi f’periklu l-ħajja tal-bniedem. Fuq dan hemm studji li juru li hemm aktar riskju li t-trabi mnissla bl-IVF ikunu prematuri, ikollhom nuqqas ta’ piż meta jitwieldu flimkien ma’ problemi oħrajn b’perċentwal akbar minn trabi li jitwieldu b’mod naturali. Dawn huma studji magħmula minn esperti fil-qasam li jħallu l-fatti jitkellmu waħidhom u dawn l-istudji huma ippublikati fuq rivisti xjentifiċi. Dan biex ngħidu li mhuwiex diskors “ta’ partit”, f’dan il-każ tal-Knisja, imma huma l-fatti ta’ dak li qiegħed jiġri.

Forsi hawn min jgħid li l-fatt li bl-IVF xi embrijuni ma jimpjantawx ruħhom fil-ġuf tal-omm meta jiġu trasportati mil-laboratorju għall-ġuf mhuwiex argument kontra l-IVF. Dan għaliex anki meta t-tnissil isir b’mod naturali, ikun hemm każi fejn in-natura ma tħallix li l-embrijun jimpjanta ruħu fl-uteru u hekk iseħħ “abort spontanju”. Imma dan l-argument mhuwiex veru u għandu dik li fil-loġika tissejjaħ fallaċja. Dan għaliex ma nistgħux naqbdu u ngħidu li dak li jseħħ fin-natura jiġġustifika dak li l-bniedem jagħmel, bħallikieku dak li tagħmel in-natura jsir “norma”. Fil-konkret, ma nistgħux ngħidu li għax fin-natura jseħħ l-abort spontanju allura dan jiġġustifika “l-abort spontanju” ta’ dawk l-embrijuni li jiġu trasferiti fl-uteru tal-mara. U dan meta fin-natura l-abort spontanju mhuwiex in-norma, imma hija d-devjazzjoni ta’ proċess li suppost iwassal għall-impjantazzjoni fil-ġuf. Allura wisq anqas tista’ issir din il-qabża mill-abort spontanju għall-IVF biex din tal-aħħar tkun iġġustifikata. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tal-mediċina għandu jkun dak li jsewwi l-alterazzjoni li jseħħu fil-funzjonijiet tal-organiżmu u mhux li tirrepetihom hi stess!

* Din is-sensiela ta' artikli ġiet stampata fuq diversi ħarġiet tal-ġurnal Leħen is-Sewwa matul Awwissu-Settembru 2012. L-ewwel u t-tieni parti jinsabu fuq dan is-sit: Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 1); Riflessjonijiet fuq l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet "Niċċelebraw il-Ħajja umana" (Part 2).