Written by Fr Simon Mario Cachia

Ħsieb f'Jum il-Ħajja (Xagħra, 2013)

Nixtiequ naqsmu magħkom ħsieb li dun Simon Mario Cachia, saċerdot mill-parroċċa ta' San Ġorġ, il-Belt Victoria, għamel fl-okkazzjoni ta' Jum il-Ħajja li ġie iċċelebrat fil-parroċċa ta' Marija Bambina, ix-Xagħra, bħala parti min-Novena bi tħejjija għall-festa. Il-ħsieb - li ġie mxandar fil-forma ta' prietka nhar it-30 t'Awwissu 2013 - jitlaq mir-riflessjoni fuq il-ħajja tal-Verġni Marija biex idawwal l-impenn u r-responsabilita' li kull nisrani għandu biex iħares u jippromovi l-ħajja ta' kull bniedem u bniedma mill-mument tat-tnissil sal-mewt naturali. Fih wieħed isib spunti sbieħ kemm mill-aspett spiritwali kif ukoll minn dak morali. Hija kitba li tinkuraġixxi lil kull min jaqraha biex jimpenja ruħu favur il-ħajja umana.

(test)

iv Jum tan-Novena

ad unur it-Twelid tal-Verġni Mbierka

Jum il- Ħajja

 

30 t’Awwissu 2013

Bażilika Marija Bambina, ix-Xagħra

 

“Tu formasti renes meos, contexuisti me in utero matris meae. Confitebor tibi, quia mirabiliter plasmatus sum.”

Int sawwart il-ġewwieni tiegħi, u f'ġuf ommi inti nsiġtni. Inroddlok ħajr, għax b'mod tal-għaġeb għamiltni.” (Salm 139 13,14)

F’dawn il-frażijiet sempliċi imma ta’ profondità liema bħalha, meħudin minn dan is-salm, hemm rappreżentata l-ħajja kollha tal-bniedem. F’dawn il-frażijiet nistgħu naraw kif kull mument ta’ din il-ħajja umana, ibda minn qabel it-tnissil u spiċċa wara l-mewt naturali fuq din l-art, hu maħsub minn Alla, riedu Alla u għalhekk hu mlibbes b’dinjità għolja. Kemm hu kbir il-Mulej! Kemm hi kbira mħabbet il-Ħallieq! X’dinjità għandha l-ħajja tal-bniedem! Din id-dinjità għolja tidher fl-aqwa tagħha fid-don tal-ħajja tal-Verġni Mbierka. Imbierka din it-Tfajla li minn dejjem kienet fi ħsieb il-Ħallieq! Imbierka din il-Mara li bi frott ġufha l-bniedem sab il-ħelsien.

Imbierka din il-Ħajja li biddlet għal dejjem ħajjiet il-bnedmin. Imbierka din ix-Xebba, Ġmiel ta’ Alla, li ssebbaħ ħajjet il-bniedem. Imbierka l-umiltà ta’ din il-Qaddejja għax, għall-merti ta’ din l-umiltà, kemm Hi u kemm aħna ġejna lkoll mgħollija fil-ġieħ u ksibna l-ewwel post fil-festa, bħalma jgħidilna l-Vanġelu tal-lum.

“Nativitas Tua Dei Genitrix Virgo, gaudium annunziavit universo mundo!” Twelidek o Xebba Omm Alla ħabbar ferħ kbir lill-univers kollu. Għaliex feġġet fid-dinja Dik li tabilħaqq setgħet tgħid bla tlaqliq: F’ġuf ommi inti nsiġtni, tal-għaġeb int għamiltni.

Ejjew illum ngħaqqdu leħinna mal-kantiku li għanniet Marija, meta ndunat li l-Mulej kien tabilħaqq qed jagħmel magħha ħwejjeġ kbar. Ejjew inroddu ħajr ma’ Marija lill-Mulej Alla talli sa minn qabel il-ħolqien ħaseb fina, għoġbu “jaħli” l-imħabba tiegħu billi joħloqna u ried jibgħat lil Ibnu biex isalvana wara li aħna, minn jeddna, konna keċċejnieh minn ħajjitna bis-suppervja tagħna.

Fuq kollox ejjew nirringrazzjaw lil Alla tal-fiduċja li għandu fina!! Kieku Alla ma kellux fiduċja fina ma kienx ikun daqshekk abbundanti fl-imħabba magħna. Kieku Alla ma kienx jafdana, ma kienx jasal li jafda f’idejn il-bniedem il-ħolqien kollu, saħansitra lil Ibnu stess.

Alla tant hu mitluf f’imħabbtu għalina li jafdalna kollox minkejja d-dnub u d-dgħufija tagħna u, permezz ta’ Ibnu, għolliena għad-dinjità ta’ wlied u kooperaturi fil-tkomplija tal-ħolqien.

Għalhekk: int li tħossok bla tama, għolli ħarstek u tbissem. Int li tħossok waħdek, ħares madwarek. Int li tħossok imwarrab, ħossok maħbub. Int li tħossok f’dell il-mewt, ara x-Xemx tielgħa għalik. Għax jekk Alla ħalqek, Alla jieħu ħsiebek, għax ftakar: int tiswa ħafna iktar minn żewġ għasafar żgħar.

Aħna lkoll nafu li fejn m’hemmx fiduċja m’hemmx relazzjoni u mhabba u għalhekk m’hemmx ħajja. Jekk m’hemmx fiduċja bejn il-partijiet, ma jistax ikun hemm progress, ferħ u tama. Jekk m’hemmx fiduċja reċiproka bejni u bejn Alla, la jkolli fiduċja safja fija nnifsi u lanqas fl-oħrajn u allura noħloq il-mewt fija nnifsi, fid-dinja u fil-persuni ta’ madwari.

Bla fiduċja f’Alla, il-bniedem joħloq l-arroganza, saħansitra t-terrur. Araw ftit madwarna: kemm attakki saru u qed isiru kontra d-dinjità tal-ħajja umana fil-ġuf, kontra l-imħabba f’familja bbażata fuq iz-żwieġ kif iridu Alla, attakki kontra min hu marid, attakki kontra l-mewt naturali.

Aħna stess nibdew nindunaw li meta ma jkollniex esperjenza ta’ din il-fiduċja reċiproka bejnna u bejn Alla, ħajjitna tinbidel f’morsa kontinwa t’ansjetà u biżà, tant li nibdew nikkonsidraw lill-istess Alla bħala ħalliel li ser jiġi u jisirqilna kollox bla avviż ta’ xejn.

Mentri jekk aħna ngħixu din il-fiduċja, ħajjitna nibdew ngħixuha bħal għerusija fl-istennija tal-mument tat-tieġ! U dan tikkonfermah lilna l-għażiża Ommna, Marija Bambina.

Ħarsu lejn wiċċha! Araw il-kalma li tirrifletti fiduċja ċerta! U din mhi xejn għajr xbiha! Aħseb u ara kemm hu isbaħ wiċċ is-Sultana fir-realtà! Ħarsu lejn wiċċha!

Ħossu l-preżenza tal-fidi li Marija għandha f’Alla Missierha! Ma tistħajluhiex qisha Għarusa li qed tistenna bla sabar u b’imħabba bla tarf lill-Għarus tagħha ġej?! X’differenza mill-ucuh tagħna li ħafna drabi jesprimu biża’, inċertezza, solitudni, mewt.

Permezz ta’ din il-fiduċja bejn Marija u l-Missier, Marija setgħet taffronta bis-serenità kollha l-mumenti sbieħ, il-mumenti ibsin u l-mumenti ta’ inkomprensjoni li kkaratterizzaw lil ħajjitha marbuta b’mod daqshekk intimu ma’ Binha l-Feddej u mal-ġrajja tas-salvazzjoni tagħna. Din hi l-fiduċja li tnissel il-ħajja, il-fiduċja li tibni l-ħajja.

Jekk nitħallew niġu ffurmati minn dan il-wiċċ tal-Bambina, minn din il-Warda li tgħaġġeb lill-Anġli, tiġina naturali nipproteġu l-ħajja kif jagħtihielna l-Mulej. Tiġina naturali niddefendu l-valur tal-ħajja, speċjalment ta’ dawk li, għax dgħajfin, suppost għandhom kull dritt li jiġu difiżi minna lkoll. Ikun naturali għalina li nitwaħħdu mat-tagħlim tal-Knisja u nxerrdu tagħlimha fuq il-ħajja permezz ta’ kliemna u tal-eżempju tagħna.

Araw kemm hawn movimenti, anki Għawdxin, li jorjentaw ħidmiethom favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf, favur nies b’abilitajiet speċjali, favur persuni emarġinati, favur il-mara, favur il-morda. F’dawn il-ġranet stess, u anki llejla f’din il-Bażilika, hawn diversi inizjattivi biex il-poplu tagħna ma jinsiex il-valur kbir tal-ħajja. xra

Marija Bambina tgħallimna wkoll li din il-ħajja-għerusija li aħna ngħixu fuq din l-art m’għandux ikollha post għall-għażż u għall-kompromessi, għall-kumdità u għall-egoiżmu, imma għall-enerġija, għall-impenn, għas-sagrifiċċju, għat-tħaddim tad-doni li Alla jagħtina. Araw dan it-tempju li qegħdin fih! 

Qegħdin infakkru l-200 sena mill-bidu tal-bini tiegħu. Kieku l-antenati tagħna Xagħrin ma kellhomx fiduċja għamja li Alla jafda fihom, kieku ma kinux jaslu li jibnu dan it-tempju. Kieku kienu jaraw il-problemi, fosthom il-pesta li faqqghet sena wara, kbar wisq biex jiġu ssuperati. Imma huma, taħt il-gwida ta’ Wiċċ il-Bambina, fdaw iktar fil-Providenza u fid-doni li tahom Alla, u ma qatgħux qalbhom.

Ejjew, mela, aħna wkoll ma naqtgħux qalbna, għeżież!! F’dan il-Jum tal-Ħajja li aħna qed niċċelebraw illum taħt il-ħarsien ta’ dik li tatna lil Sid il-Ħajja, ejjew nimtlew bil-kuraġġ! Ejjew nagħmlu minn ħajjitna raġġ ta’ ottimiżmu mibni fuq fiduċja ċerta! Ma nħallux il-problemi tal-lum jibdlulna ħajjitna għal eżistenza mgħattna. F’waħda mill-omeliji tiegħu, San Ġwann Kriżostmu jgħidilna li “meta pagan imur jgħid lil wieħed Kristjan li hu ’il barra mill-ħajja, ikun iblah!” Ejjew nuru li aħna tal-Bambina, aħna ta’ Kristu billi nuru bil-fatti li aħna favur il-ħajja, favur il-ferħ, favur l-ottimiżmu, favur l-impenn, favur il-karità.  

O Mara Glorjuża, mgħollija ’il fuq iktar mill-kwiekeb, meta nħarsu lejk u narawk tisqi lil Ibnek dak il-Ħalib imbierek, qalbna timtela b’ferħ kbir.

Ruħna timtela bil-kunfidenza u xofftejna jinfetħu għal djalogu ħelu miegħek. Ma nistax illejla ma nagħmillekx talba għal dawk kollha li huma magħfusin bit-toqol tal-mard, tal-anzjanità, tal-luttu, tas-sofferenza. Nitolbok għal dawk li qed isofru inġustizzja, għal dawk li ma jistgħux jaraw xaqq ta’ tama. Inpoġġilek quddiemek lil dawk it-trabi kollha li qegħdin jiġu minsuġa minn Alla f’ġuf ommhom, lit-tfal tagħna, lil ħutna b’abilitajiet speċjali.

Imma t-talba speċjali f’dan il-Jum tal-Ħajja, nixtieq inħalliha għal dawk li jagħtuna l-ħajja. Qed nirreferi għall-ġenituri tagħna ħajjin u mejtin, imma b’mod speċjali qed nirreferi għan-nisa kollha, l-aktar dawk tax-Xagħra u t’Għawdex tagħna.

Nitlob, b’qalb kollha gratitudni, għal dawk in-nisa li għal ħafna xhur iġorru l-ħajja, imantnuha b’għożża u permezz tat-tbatija mogħtija b’imħabba, din il-ħajja mistura fil-ġuf tara d-dawl u ghal dawk li jadottaw jew jghinu bil-fostering. Nitlob għan-nisa bla wlied u ghal dawk li jrabbu wehidhom lil uliedhom, li jagħtuna xhieda qawwija ta’ tbatija u t’imħabba, u għal dawk li jagħtuna xhieda sabiħa għax għażlu li jkunu ommijiet għas-Saltna u li jadottaw il-membri tal-poplu t’Alla bħala wliedhom. Nitlob għal dawk li jagħtuna xhieda enerġika għax huma nisa li jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew jingħataw għax-xogħol nobbli tad-dar. Nitlob għan-nisa anzjani li jagħnuna b’tant għerf. Nafda fl-idejn materni tal-Addolorata lin-nisa kollha li għaddejjin minn xi tip ta’ sofferenza.

U fl-aħħarnett nerġa’ ndur lejk, o Wiċċ matern ta’ Alla, l-isbaħ u l-imbierka fost in-nisa kollha, Omm il-Ħajja u ġieħ il-bnedmin, u bi kliem il-kurunella intennilek u b’qalb ferħana nkantalek:

Fost in-nisa kollha mbierka

Omm int sirt tar-Redentur

Li ssir Omm u tibqa’ xebba

Kellek waħdek dan l-unur.

 

O Bambina kollok glorja

Bħal Reġina inberkuk

Biex tagħnina bil-Vittorja

Omm ħanina nitolbuk.