Strict Standards: Only variables should be assigned by reference in /home/content/92/7425692/html/darguzeppadebono/plugins/system/webmastertools/webmastertools.php on line 33
Dar Guzeppa Debono - Stem Cells ul-Klonazzjoni

Strict Standards: Declaration of JCacheControllerView::get() should be compatible with JCacheController::get($id, $group = NULL) in /home/content/92/7425692/html/darguzeppadebono/libraries/loader.php on line 332

Stem Cells ul-Klonazzjoni

Ir-riċerka dwar l-istem cell kienet ġiet ippreżentata mix-xjentisti, it-tobba u l-midja bħala waħda mill-aktar tipi ta’ riċerki importanti llum il-ġurnata. Toffri l-wegħda li tikkura wħud mill-mard u minn problemi mediċi l-aktar devastanti, fosthom id-dijabete, il-lewċemija, il-marda ta’ Parkinson, il-marda Alzheimer, il-mard tal-qalb u ħsara fil-moħħ u fis-sinsla tad-dahar. Mela għaliex il-Knisja Kattolika hi kontra ċerti tipi ta’ riċerka dwar l-istem cell?

 

X’inhuma l-istem cells?

Stem cells huma tip uniku ta’ ċelluli normali imma li għanhom il-kapaċità li jkunu flessibbli biex jiffurmaw tipi oħra ta’ ċelluli. Jeżistu żewġ tipi ta’ stem cells:

  • Stem cells adulti jinsabu mferrxin mal-ġisem kollu (anke fil-kurdun umbilikali) u għandhom il-kapaċità li jiffrumaw ħafna tipi oħra ta’ ċelluli, bħalma huma dawk tad-demm, tal-fwied, tal-muskoli, tal-ġilda, tan-nervaturi, u l-bqija. Matul il-ħajja tal-bniedem, dawn iċ-ċelluli jinbidlu f’tipi oħra ta’ ċelluli sabiex jieħdu post jew isewwu ċelluli li jkunu qdiemu jew li ġratilhom xi ħsara.
  • Stem cells embrijoniċi huma ċelluli li jinsabu f’embriju li qiegħed jiżviluppa. Dawn ukoll jistgħu jiffurmaw kważi kull tip ta’ ċellula oħra fil-ġisem, dejjem jekk ikunu hemm il-fatturi u l-istimuli xierqa relatati ma’ żvilupp waqt li l-embriju jkun qiegħed jikber.

Ir-riċerka dwar l-istem cells hi kollha ħażina?

Le, ċerti tipi ta’ riċerka dwar l-istem cells huma moralment leċiti (permessi) u ċerti tipi huma immorali, jiddependi mill-mod kif dawn iċ-ċelluli jiġu akkwistati. Ir-riċerka fuq l-istem cells adulti hi moralment leċita, u saru ħafna passi ’l quddiem fil-kura u t-trattament ta’ persuni permezz ta’ dawn iċ-ċelluli. Ir-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi hi moralment illeċita (mhix permessa) għaliex biex jiġu akkwistati dawn iċ-ċelluli trid tinqered ħajja umana.

Wieħed irid jenfasizza li l-Knisja mhix kontra kull forma ta’ riċerka dwar l-istem cells. Il-Knisja topponi biss dawk il-metodi li jinvolvu l-qirda tal-ħajja umana, bħalma tagħmel ir-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi.

X’inhu t-tħassib morali wara r-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi?

  • Stem cells embrijoniċi jistgħu jinkisbu billi wieħed jieħu embriju uman ta’ bejn ħamsa u sebat ijiem, u minnu tiġi estratta l-massa taċ-ċelluli interni. Dawn iċ-ċelluli jistgħu jiġu kkultivati u jingħataw fatturi ta’ tkabbir li jgħinuhom jikbru f’tipi speċifiċi ta’ ċelluli. Jekk embriju bħal dan – li diġà għandu ġewwa fih il-wirt ġenetiku sħiħ ta’ persuna umana li għad xi darba tkun – ma titeħdilux il-massa taċ-ċelluli interni, ikun jista’ jikber u jimmatura bħas-soltu (billi jsir fetu, tarbija, tifel u adult). Mela, l-estrazzjoni ta’ dawn iċ-ċelluli tkun tfisser il-qirda ta’ ħajja umana, u għalhekk l-użu tal-istem cells embrijoniċi hu moralment ħażin.
  • Embriji maħluqa fil-proċess ta’ fertizzazzjoni in vitro huma partikularment vulnerabbli biex jintużaw fir-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi għaliex normalment jinħolqu aktar embriji mill-ammont impjantat fl-omm. L-embriji li jibqa’ spiss jiġu ffriżati biex jintużaw aktar tard. Ħafna minn dawk li ma jinkwetawx dwar x’jiġri mill-embriji ffrizati, jgħidu li dawn huma “żejda” u għalhekk għandhom jiġu użati sabiex minnhom jittieħdu ċ-ċelluli għar-riċerka dwar l-istem cells. Madankollu, dawn l-embriji huma persuni umani ħajjin, u għalhekk mhux moralment permess li ħajjithom tinqered sabiex jittieħdu ċ-ċelluli minnhom.

X’inhu t-tħassib mediku wara r-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi?

  • L-istem cells embrijoniċi huma meqjusa bħala inkontrollabbli; instab li, f’esperimenti li saru fuq l-annimali, dawn ġieli ffrumaw tumuri.
  • Ix-xjentisti sabu li l-espressjoni tal-ġene fl-istem cells embrijoniċi hija estremament erratika u tista’ tvarja ħafna minn ċellula għal oħra. Dan jista’ jfisser li jekk jintużaw fi trapjanti, iċ-ċelluli jistgħu juru mġiba stramba minħabba l-varjazzjoni taċ-ċellula fl-espressjoni tal-ġene u tal-proteini.
  • L-istem cells embrijoniċi juru l-karatteristiċi ċellulari tad-donatur oriġinali u dan jista’ jikkawża reazzjoni ta’ immunità f’min jirċievi ċ-ċelluli. L-istess bħalma jiġri fit-trapjant normali tal-organi, sabiex jiġi evitat mard li jgħaddi mit-tilqima għal min jirċeviha, l-ispeċjalista jkun irid jagħti trattament ta’ mediċina li trazzan l-immunità f’min ikun se jirċievi t-tilqima. (Din il-mediċina tista’ tikkawża effetti kollaterali xejn pjaċevoli fil-pażjent).
  • Metodu kif din il-problema tat-trażżin tas-sistema tal-immunità fil-pazjent tista’ tingħeleb hu billi ssir klonazzjoni tal-embriju uman miċ-ċelluli tal-pazjent stess u bagħad isir il-“ħsad” ta’ dawn iċ-ċelluli tal-embriju għall-użu tat-trattament tal-pażjent (ara l-kaxxa t’hawn taħt). Iċ-ċelluli kklonati jkunu kważi identiċi maċ-ċelluli tal-pażjent, u teoretikament ma jikkawżaw ebda problema immunoloġika.

Madankollu, l-embriju kklonat xorta waħda jkun għadu embriju uman – bniedem ħaj fl-istadji bikrin tal-formazzjoni tiegħu – li se jinqatel intenzjonalment sabiex minnu jkunu estratti l-istem cells embrijoniċi.

Jeżistu alternattivi għall-użu tal-istem cells embrijoniċi fir-riċerka?

Iva! B’xorti tajba, rapporti xjentifiċi ppubblikati tista’ tgħid kull xahar qegħdin juru li stem cells adulti qegħdin jintużaw fil-kura ta’ ħafna tipi ta’ mard:

  • Issa nstab li stem cells adulti (inklużi ċ-ċelluli tal-kurdun umbilikali) jistgħu jinbidlu f’ċelluli tan-nervaturi, tal-pulmun, tal-fwied, tal-qarquċa, tal-għadam, u ċelluli li jipproduċu l-insulina fil-pankreas. Intużaw biex tiġi kkurata l-lewċemija, l-anemija, il-puplesija, problemi fis-sinsla tad-dahar u aktar.
  • Linji ta’ stem cells adulti jistgħu jiġu kkultivati mill-ġisem tal-pazjent stess u hekk jingħelbu dawk il-problemi marbuta mas-sistema immunitarja jew inkella l-bżonn li tintuża xi tip ta’ terapija medika li xxejjen is-sistema immunitarja.
  • Stem cells adulti huma aktar aċċessibbli minn stem cells embrijoniċi. Dawn jinstabu f’kull parti tal-ġisem uman, anke fit-tessut tax-xaħam.
  • Stem cells adulti huma aktar kontrollabbli u fl-esperimenti qatt ma nstabu li dawn jiffurmaw tumuri jew li l-imġiba tagħhom tvarja minn ċellula għal oħra bħalma jiġri fi stem cells embrijoniċi.

Fiex tikkonsisti din il-kontroversja?

Kien hemm dibattitu sħiħ dwar l-irwol tal-gvern fir-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi. Il-President George W. Bush kien favur l-użu ta’ fondi federali f’ċirkustanzi limitati: bil-kundizzjoni li jintużaw biss stem cells embrijoniċi li jkunu ġejjin minn embriji umani li nqerdu, u mhux mill-qtil ta’ embriji umani futuri. Hu ta wkoll somma sostanzjali mill-fondi federali għar-riċerka dwar “stem cells mill-kurdun umbilikali, mill-plaċenta, stem cell adulti u stem cells mill-annimali”.

Fid-diskussjoni pubblika, dawk li huma favur l-użu ta’ stem cells mill-embriju jagħtu għażla falza: jew nużaw stem cells minn dawn is-sorsi jew inkella ma jkun hemm ebda tama ta’ kura għal miljuni ta’ bnedmin madwar id-dinja li jsofru mill-marda ta’ Parkinson, Alzheimer u minn mard u problemi mediċi oħra. Ovvjament dan mhux minnu, billi ħafna toroq etiċi tar-riċerka bi stem cells adulti qegħdin juru li m’hemmx għalfejn jintużaw stem cells mill-embriju.

X’tgħallem il-Knisja dwar din il-kwistjoni?

Fl-enċiklika Fides et Ratio (il-Fidi u r-Raġuni) tal-1998, Papa Ġwanni Pawlu II wriena li kemm il-fidi kif ukoll ir-raġuni jistgħu jintużaw biex wieħed ifittex u jsib il-verità. Dan jgħodd ukoll għar-riċerka dwar l-istem cells embrijoniċi u l-klonazzjoni. Il-Fidi tgħidilna li huwa ħażin li toqtol il-ħajja umana; ir-raġuni u l-għarfien bażiku dwar il-bijoloġija jgħidulna li l-embriju (sew jekk ikklonat, sew jekk ġej minn fertilizzazzjoni in vitro, u sew jekk fertilizzat b’mod naturali) hu bla dubju ħajja umana.

Il-Knisja dejjem għallmet b’mod konsisteni li l-ħajja umana għandha tkun irrispettata sa mill-oriġini tagħha: “Il-ħajja umana għadha tkun irrispettata u protetta b’mod assolut sa mill-waqt tal-konċepiment. Sa mill-mumenti li jibda jeżisti, il-bniedem għandu jkun rikonoxxut bħala li għandu d-drittijiet tal-persuna – fosthom id-dritti invjolabbli ta’ kull esseri innoċenti għall-ħajja” (Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n.2270; ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Donum Vitae I, 1 (ara wkoll I, 4-6). Fl-enċiklika tiegħu Evangelium Vitae (“L-Evanġelju tal-Ħajja”) tal-1995, Papa Ġwanni Pawlu II jinfasizza li “l-qtil dirett u volontarju ta’ persuna umana innoċenti hu dejjem gravament immorali (n. 57, ara wkoll nn. 60, 63).

Uħud jgħidu li t-tajjeb jitwettaq permezz tal-fejqan mill-mard u minn problemi mediċi oħra permezz tal-użu ta’ stem cells embrijoniċi, jiġġustifika l-ħażen tal-qirda ta’ ftit embriji umani.

Madankollu, dan l-argument hu vjolazzjoni ta’ wieħed mill-aktar prinċipji bażiċi tal-moralità: li ħadd ma jista’ jwettaq il-ħażin biex jakkwista t-tajjeb (ara Rumani 3:8; Humane Vitae (dwar ir-regolazzjoni tat-twelid, n. 14); Veritatis Splendor (“Is-Sbuħija tas-Sewwa”, nn. 71-82). Dan jirriduċi lill-bnedmin, b’mod speċifiku lil esseri umani embrijoniċi , għall-użu tagħhom.

Għaliex il-Kattoliċi għandhom jitħassbu?

Fil-preżentazzjoni f’kumitat tal-Ġnus Magħquda, l-Arċisqof Renato R. Martino kien qal, “Il-klonazzjoni embrijonika umana, anke meta jsir f’isem it-titjib tal-umanità, xorta hi affront lid-dinjità tal-persuna umana.”

Meta nikkontemplaw il-vulnerabbiltà u d-dgħufija – u l-miraklu - tal-embriju uman, għandna nieqfu nimmeditaw b’għaġeb u skantament. Għandna bżonn nirriflettu dwar id-don tal-ħajja umana nnifisha, u mbagħad dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet tal-istem cells embrijoniċi u l-klonazzjoni, jidher aktar ċar. Ħadd, u għall-ebda raġuni, m’għandu joqtol embriju uman. Ħadd m’għandu jħares lejn l-embriju uman jew iċ-ċelluli tiegħu b’mod utilitarju. Għandna responsabbiltà li nipproklamaw il-verità dwar dawn il-kwistjonijiet.

L-ewwel enċiklika tal-Papa Beneditt XVI, Deus Caritas Est (“Alla hu Imħabba”) tiddikjara li, “Il-programm Nisrani – il-programm tas-Sammaritan it-Tajjeb, il-programm ta’ Ġesù – hu ‘qalb li tara’. Din il-qalb tara fejn l-imħabba tħoss li hemm bżonnha u taġixxi skond il-bżonn” (n. 31), Il-qalb Nisranija tara l-umanità fl-embriju u taġixxi skond il-bżonn biex tipproteġi l-aktar vulnerabbli mill-ħajja umana.

Minn fejn takkwista aktar informazzjoni?

Dawn id-dokumenti jistgħu jinkisbu mill-website tal-Vatikan,
www.vatican.va:

  • Deus Caritas Est (“Alla hu Imħabba”), Papa Benedittu XVI
  • Donum Vitae (“Id-Don tal-Ħajja”), Is-Sagra Kongregazzjoni għad-
  • Duttrina tal-Fidi Evangelium Vitae (L-Evanġelju tal-Ħajja”), Papa Ġwanni Pawlu II
  • Fides et Ratio (Il-Fidi u r-Raġuni), Papa Ġwanni Pawlu II
  • Humanae Vitae (Dwar ir-Regulazzjoni tat-Twelid), Papa Pawlu VI
  • “L-intervent mid-delegazzjoni tas-Santa Sede fil-Kumitat Speċjali tal-57 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda dwar il-Klonazzjoni Embrijonika Umana,” l-Arċisqof Renato R. Martino.
  • Riflessjonijiet dwar il-Klonazzjoni, Akkademja Pontifiċja dwar il-Ħajja.
  • Veritatis Splendor (Is-Sbuħija tas-Sewwa), Papa Ġwanni Pawlu II.

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, it-Tieni Edizzjoni, nn 2270-2275. Do No Harm: The Coalition of Americans for Research Ethics www.stemcellresearch.org.

Stem Cells Embrijonċi

X’inhuma Stem Cells?
Ċelluli prinċipali, imsejħa Master Cells, li jiffurmaw ftit wara l-fertilizzazzjoni, u li jistgħu jiffurmaw ċerti tipi ta’ ċelluli fil-ġisem, bħalma huma l-moħħ, id-demm, il-muskolu u l-ġilda.

  • Xi xjentisti jridu jiġbru stem cells mill-embriju uman li jifforma wara  l-konċepiment.
  • Embriju ta’ ħamest ijiem (jew blastocyst) għandu madwar 140 cellula; ħafna minnhom jiffurmaw il-plaċenta. L-oħrajn ikunu stem cells.
  • Stem cells li jiġu mkabbra f’dixx tal-laboratorju jistgħu jintużaw f’esperimenti

Xi Tkun il-Klonazjoni

Il-klonazzjoni (magħrufa wkoll bħala t-trasferiment nukleari taċ-ċellula somatika - somatic cell nuclear transfer) hija l-proċess li biex jinħoloq bniedem embrijoniku fil-laboratorju. In-nukleu ta’ ċellula somatika (tal-ġisem) tiġi trasferita f’bajda li jkun tneħħielha n-nukleu, u dan in-nukleu jiġi stimulat biex jinqasam u jikber fi bniedem ġdid.
Illum il-ġurnata x-xjentisti jitkellmu dwar il-possibiltajiet li l-embriju uman jiġi kklonat kemm għal skopijiet “riproduttivi” kif ukoll għal skopijiet “terapewtiċi”.

  • Klonazzjoni “riproduttiva”: Jiġi maħluq embrijo kklonat li mbagħad jitqiegħed fil-ġuf ta’ mara li wara twasslu sat-twelid. Din hi klonazzjoni li tipproduċi t-tfal. Din tibdel b’mod illeċitu l-ambjent tal-prokreazzjoni umana fl-intimità matrimonjali f’wieħed ta’ laboratorju.
  • Klonazzjoni “terapewtika”: Jiġi maħluq embrijo ikkonat u minflok ma jitqiegħed fil-ġuf ta’ mara, dan jinqatel sabiex jittieħdu minnu l-istem cells għal skop ta’ riċerka jew ta’ terapija. Il-assunzjoni hi li ċ-ċelluli jkunu jistgħu jiġu trapjantati mill-ġdid fil-persuna li minnha l-klonu jkun ġie magħmul (dan bl-iskop li jkunu ttrattati xi marda jew problemi mediċi), bla ma jkun hemm ir-reazzjoni ta’ immunità fiċ-ċelluli. Dan it-tip ta’ klonazzjoni kultant hu magħruf bħala t-teknika “ikklona u oqtol”, billi l-embriju jinqatel waqt il-proċess tal-ħsad tal-istem cells tiegħu.

Fl-aħħar mill-aħħar dawn it-tnejn filfatt qegħdin jagħmlu l-istess ħaġa: qiegħed ikun ikklonat bniedem. L-unika differenza hi x’qiegħed isir b’dak il-bniedem ikklonat. Dan jew qiegħed jitħalla jikber, jew jinqatel “għal skopijiet ta’ riċerka jew terapija”. L-hekk imsejħa klonazzjoni terapewtika mhi “terapewtika” xejn għall-embriju, billi dan jitlef ħajtu fil-proċess.

Il-klonazzjoni timxi wkoll fuq il-loġika tal-produzzjoni u tuża lill-persuni umani b’mod tassew utilitarju. Litteralment tibdilhom f’“fabbriki” għall-produzzjoni taċ-ċelluli tagħhom, bla ma tqis id-dinjità naturali tagħhom bħala persuni. L-Akkademja Pontifiċja favur il-Ħajja ma taċċettax il-klonazzjoni għaliex “din tinnega d-dinjità tal-persuna suġġetta għall-klonazzjoni u d-dinjità tal-prokreazzjoni umana”. Vittmi oħra tal-proċess tal-klonazzjoni huma n-nisa. Permezz tal-klonazzjoni, “in-nisa huma sfruttati b’mod radikali u ridotti għal ftit mill-funzjonijiet purament bijoloġiċi tagħhom (li jipprovdu l-ova u l-utru).”

Saret il-klonazzjoni ta’ għadd ta’ annimali, fosthom tan-nagħġa Dolly u tal-kelb Snuppy. Dawn l-aħħar snin xi laboratorji kienu qegħdin jippruvaw jikklonaw il-persuna umana għal “użu terapewtiku”. Jidher, madankollu, li x-xjentisti għadhom ’il bogħod wisq milli jikklonaw persuna umana. M’ilux, tim ta’ xjentisti Koreani ikkawżaw skandlu meta ffalsifikaw informazzjoni billi qalu, f’rivista prestiġġjuża tax-xjenza, li kienu wettqu l-klonazzjoni tal-bniedem, biex wara kellhom jirtiraw dak kollu li kienu kitbu. Sadattant, numru ta’ laboratorji tar-riċerka privati, kemm fl-Istati Uniti u kemm fl-Ewropa, għadhom jippruvaw jikklonaw il-persuna umana.